Lokali Parlament

Appell biex issir ġustizzja mal-poplu u l-familji li l-proprjetà tagħhom ġiet misruqa mill-PL

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil appella lill-Partit Laburista fil-Gvern irodd lura l-proprjetà li ħa b’abbuż u b’serq mill-poplu u mill-familji privati u dan b’ġustizzja kemm mal-poplu kif ukoll mal-familji.

Jekk il-Gvern mhux se jilqa’ dan l-appell u jibqa’ ma jroddx lura l-proprjetà li seraq u li bidel f’każini Laburisti, il-Partit Nazzjonalista lest li jmur il-Qorti Kostituzzjonali biex il-proprjetà misruqa mill-Partit Laburista tingħata lura.

Simon Busuttil għamel dawn l-appelli fil-Parlament meta tkellem ilbieraħ filgħaxja fuq l-abbozz ta’ liġi li tirregola l-partiti politiċi.

L-Oppożizzjoni tistenna li biex din il-liġi tkun ġusta, il-PL għandu jirritorna l-proprjetajiet kollha li ħa mill-poplu u mill-privat. L-Oppożizzjoni trid ġustizzja mal-poplu u ġustizzja mal-familji.
Appella lill-Gvern jagħżel – jew finanzjament b’ġustizzja għal kulħadd jew finanzjament għal ħadd.
Simon Busuttil qal li l-pożizzjoni tal-Oppożizjzoni hi ċara, favur li jkun hemm liġi dwar il-finanzjament tal-partiti u għandha kull intenzjoni li tivvota favur din il-liġi. Pożizzjoni ċara favur liġi kif hemm f’pajjiżi oħrajn Ewropew u li seta’ sar f’pajjiżna qabel ukoll.

Simon Busuttil qal li hu sewwa li jkun hemm liġi li tirregola l-partiti u li jingħataw ir-riżorsi. Favur ukoll għaliex b’liġi ċara, jonqos il-possibbiltà ta’ partiti li jkunu mixtrija b’donazzjonijiet li jingħataw b’mod anonimu u li jkunu jridu xi ħaġa lura.

Semma kif fil-kampanja elettorali l-Partit Laburista kellu kampanja li tiswa miljuni ta’ flus, evidenti bil-billboards u bir-reklamar, li ppreżentat diżugwaljanza waqt il-kmapanaj elettorali.
Dwar l-aħħar kampanja elettorali, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN ippubblika kemm ġiet tiswa l-kampanja elettorali u wara l-Partit Laburista ddikjara li kienet inqas – dikjarazzjoni li ma titwemminx.

Favur ukoll, spjega Simon Busuttil, għaliex l-Oppożizzjoni temmen fit-trasparenza li dan il-Gvern ma jemminx fiha. Favur ukoll biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni bejn il-partiti u dan hu punt kruċjali, biex ikun hemm level playing field bejn il-partiti kollha nkluż dawk mhux rappreżentati fil-Parlament iżda kollha jridu jitilqu mill-istess punt.

Simon Busuttil qal li l-prinċipju li kulħadd jiġi trattat b’ugwaljanza hu kruċjali u ħolqa important għad-demokrazija għax jekk m’hemmx partiti b’saħħithom, m’hemmx demokrazija b’saħħitha.
Ir-riżervi tal-Oppożizzjoni, fisser Simon Busuttil huma marbuta mal-finanzjament tal-partiti mill-istat fejn l-Oppożizzjoni trid l-ugwaljanza waqt li l-Gvern irid id-diżugwaljanza.

Simon Busuttil qal li dan hu gvern mibni fuq gidba għaliex filwaqt li jgħid li m’għandux ikun hemm il-finanzjament mill-istat, għandna partit wieħed f’Malta li diġà qiegħed jiġi ffinanzjat mill-istat. Fuq naħa qed jgħid li m’għandux ikun hemm finanzjament mill-istat, iżda l-pajjiż kollu jaf li l-Partit Laburista diġà qed jiġi ffinanzjat mill-istat u ilu għexieren ta’ snin jiġi ffinanzjat mill-istat.
Saħaq li l-Gvern hu mibni fuq gidba bħalma kienet il-gidba bil-wegħda tal-Prim Ministru li jibni power station sa Marxu li ġej.

“Twieled f’gidba u dan il-gvern qed jgħix u jibqa’ f’gidba”, qal il-Kap tal-Oppożizzjoni, li saġaq li l-PL hu l-uniku partit li qed jieħu flus pubbliċi u jiġi ffinanzjat mill-istat.
Il-PL għandu każini pubbliċi u privati, 28 b’kollox, li flimkien jiswew miljuni kbar li ilhom għandu u ilu jużahom u jgawdi minnhom snin twal minn fuq dahar il-poplu u minn fuq il-ġid pubbliku.
Dwar il-Każin Laburista ta’ Ħal Qormi, qal li din il-prorjetà hi enormi u tinkludi saħansitra sala taċ-ċinema, u qed igawdi minnha bi ftit flus. Semma li min għandu appartament mill-Awtorita tad-Djar iħallas €200 f’kera daqs kazin Laburista. Fisser dan bħala ebda sens ta’ ġustizzja.
Għall-kritika li PN fil-Gvern m’għamel xejn dwar dan, Simon Busuttil qal li l-PN fil-Gvern kien ipprova jiġġieled biex jieħu lura l-proprjetà li ttieħdet lill-poplu, u kien ukoll beda proċeduri fil-qrati fuq il-proprjetà tal-Australia.

Iżda ġara dak li ma jitweminx, fisser il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, li l-ewwel ħaġa li għamel il-Prim Ministru Muscat kif tela fil-gvern kien li ċeda din il-kawża – kunfilitt ta’ interess bil-Prim Ministru Muscat iċedi kawża kontra Muscat bħala Kap tal-Partit Laburista, u b’danl-aġir il-proprjetà baqgħet titgawda mill-Partit flok intradddet lura lill-poplu.
Gvern Nazzjonalista wkoll kienet assigura li l-proprjetà fis-Siġġiewi, wara li ngħalaq iż-żmien, intraddet lura lill-poplu u li għadu jgawdi sal-lum.
Il-PN, iżda, ma ħatafx proprjetà pubblika u l-isfidi finanzjarji tal-PN qed jindirizzahom b’serjetà u ma jridx li xi ħadd iħallas lill-Oppożizzjoni għal dawn l-isfidi.

Appella lill-Gvern jagħżel – jew finanzjament b’ġustizzja għal kulħadd.
It-talba ewlenija tal-Oppożizzjoni lill-PL hi biex jagħti lura l-proprjetà li seraq u wara jkun hemm regolamenti ċari u iebsa dwar il-finanzjament tal-partiti u dan ukoll f’ġieħ it-trasparenza.

L-Oppożizzjoni lesta wkoll li jekk il-proprjetà li seraq il-Partit Laburista ma tintraddx lura, tressaq emenda biex kull sena ssir dikjarazzjoni mill-partiti politiċi li jiddikjaraw pubblikament xi proprjetà pubblika għandhom u x’qiegħed jiddaħħal minnha.

Simon Busuttil qal li wara li jsir dan, ikun hemm l-ekwiparazzjoni biex il-partiti fil-Parlament ikunu stmati ndaqs – prinċipju ġust favur ukoll id-drittijiet tal-bniedem.

Jekk din il-proposta li se titressaq f’emenda ma tgħaddix, l-Opożizzjoni tagħmel ukoll il-kalkolu tagħha u lesta tuża l-mezzi kollha li tagħtiha l-liġi u tfittex ukoll rimendju qudidem il-Qorti Kostituzzjonali.