Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €2,600 wara li daħħal Malta 645 għasfur protett

Aaron Micallef ta’ 35 sena mill-Qrendi ġie kundannat disa’ xhur ħabs sospiżi għal sentejn u multa ta’ €2,600 wara li ammetta li fl-24 ta’ Ottubru li għadda mal-wasla tiegħu bil-Katamaran minn Sqallija daħħal mas-645 għasfur protett li kienu fil-karozza tiegħu.

Micallef ammetta li għall-ħabta tal-11.00 p.m. meta kien fuq l-MV Jean de la Vallette kellu għasafar ħajjin u mejtin li kienu jikkonsistu fost oħrajn 326 taż-Żebbuġ, 164 ġojjin, 108 apparelli, 46 verdun u gardell.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Anthony Vella ordnat ukoll il-konfiska tal-għasafar kollha tal-vettura ta’ Micallef u l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal, żmien sentejn. Dawn l-għasafar kellhom valur ta’ €31,862 u li fuqhom ried jitħallas VAT ta’ €5,735.

Micallef tressaq mill-Ispettur Jurgen Vella filwaqt li l-Avukat Marion Camilleri deheret għal Micallef.