Lokali

Ultimatum ieħor lil Manuel Mallia: Issa mill-Ombudsman

Il-Gvern f'”collision course” mal-istituzzjonijiet li jħarsuna mill-abbuż ta’ poter – Jason Azzopardi

Wara li l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija tat ultimatum lill-Gvern, maltarightnow.com jista’ jiżvela li anki l-Ombudsman ħa pożizzjoni ċara u ta ultimatum lill-Gvern. Din id-darba dwar il-ġurisdizzjoni tal-Ombudsman biex jinvestiga ilmenti dwar promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta’ Malta.

Fil-jiem li għaddew, l-Ombudsman, il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino, bagħat ittra lill-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Manuel Mallia li fiha l-Ombudsman ta ċans sat-28 ta’ Novembru sabiex is-sitwazzjoni tkun irranġata. F’każ li dan ma jsirx, l-Ombudsman se jibda proċeduri legali. Hu mifhum li l-ittra ntbagħtet ukoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat.

Il-kwistjoni bdiet meta numru ta’ fizzjali fil-Forzi Armati ilmentaw mal-Ombudsman dwar il-proċess ta’ promozzjonijiet fl-ogħla karigi tal-Armata s-sena li għaddiet, fosthom dik tal-Kmandant preżenti Jeffrey Curmi li ngħatat erba’ promozzjonijiet f’daqstant ġimgħat. Iżda l-Ombudsman ma’ sabx koperazzjoni mill-Ministru Manuel Mallia u ma’ ngħatax aċċess biex jinvestiga, bil-Ministru Mallia jinsisti li jċaħħad l-Ombudsman mill-informazzjoni għaliex skont hu, m’għandux ġurisdizzjoni. Il-Ministru Manuel Mallia jgħid li fizzjali għandhom iressqu l-ilmenti tagħhom lill-“grievances board” imwaqqaf mill-Gvern.

Din l-aħbar toħroġ ftit jiem wara li l-Assoċjazzjoni tal-Pulizija, permezz tal-Avukat tagħha, tat ultimatum ieħor lill-Gvern sabiex jirrevoka l-ftehim li kien iffirmat mis-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar u s-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Kevin Mahoney wara dahar l-Assoċjazzjoni. L-Assoċjazzjoni qed toġġezzjona għal klawżola partikolari ta’ dan il-ftehim li permezz tagħha, l-ogħla karigi fil-Korp tal-Pulizija se jkunu għad-diskrezzjoni tal-Ministru kull tliet snin. Anki l-MPA qed thedded li tieħu azzjoni legali fil-konfront tal-Gvern

Mitlub jikkummenta, il-Kelliem tal-Opposizzjoni għall-Intern u Sigurta’ Nazzjonali Jason Azzopardi qal li dawn iż-żewġ każi – it-tnejn li huma mingħajr preċedent – juru r-riżultat tal-hekk imsejħa politika pożittiva li poġġiet lill-Gvern f'”collision course” ma’ żewġ istituzzjonijiet li jipproteġu liċ-ċittadin mill-abbuż ta’ poter.

“Il-Ministru Manuel Mallia jinsab f’ġirja għall-qiegħ u kif isibu, ikompli jħaffer” tenna Jason Azzopardi li sostna kemm kellu raġun l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello meta iktar kmieni din is-sena iddeskriva l-kwistjoni bejn l-Ombudsman u l-Ministru Mallia bħala kriżi istituzzjonali.