Tliet ħaddiema Vjetnamiżi li kienu mpjegati mal-kumpanija Leisure Clothing f’Bulebel kienu jaħdmu aktar minn 14-il siegħa kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd, u l-kuntratt tagħhom kien jistipula li s-salarji tagħhom jingħataw lilhom wara li l-kuntratt jiskadi.
Dan ħareġ fil-Qorti quddiem il-Maġistrat Carol Peralta, f’każ li mhux relatat mal-investigazzjonijiet li għadhom għaddejjin fuq traffikar ta’ persuni u prattiċi inumani, liema każ kien żvelat dan l-aħħar minn medialink communications.
It-tliet ex ħaddiema ta’ Leisure Clothing Vjetnamiżi, bdew proċeduri kontra l-uffiċjali tal-kumpanija. Huma qed isostnu li għandhom jieħdu madwar €50,000 f’salarji u sahra.
Antoine Grech, uffiċjal fid-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impiegi qal fil-Qorti li t-tliet Vjetnamiżi kienu bdew jaħdmu mal-kumpanija Leisure Clothing, minn Novembru 2013 sa Lulju ta’ din is-sena.
Fl-ewwel ftit xhur huma kienu jaħdmu mit-Tnejn sal-Ħadd u wara kienu qalbuhom f’xift ta’ sitt ijiem. Huma kienu jaħdmu mis- 7am sad-9.30pm u kellhom siegħa u kwarta “break”.
It-tliet barranin qalu li huma kienu tħalsu biss €600 għal tmien xhur fil-fabbrika. Antoine Grech qal li hu kien iltaqa’ mal-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Bin Han, u qallu li l-kumpanija kienet tagħti “pay slips” lill-ħaddiema tagħha u kienet iżżommilhom il-flus għalihom f’post sikur.
Huwa kien qal ukoll li l-ħaddiema kienu jiffirmaw formola f’każ li jiġu bżonn jiġbdu xi flus, imma Han Bin qatt ma ppreżenta dawn il-formoli lid-Dipartiment meta mitlub. Huwa kkontesta wkoll il-fatt li l-impjegati kienu jħaddmuhom “overtime”.
Id-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg kien talab ukoll is-siegħat li ħadmu l-ħaddiema, imma lanqas dawn ma ngħataw. Ix-xhud qal ukoll li kien hemm ftehim kollettiv li kien negozjat mal-General Workers Union fl-2005, li kien ikopri l-ħaddiema kollha, kemm Maltin kif ukoll barranin. Il-ftehim kien validu għal tliet snin iżda l-uffiċjal qal li ma jafx jekk dan kienx ġie mġedded. Il-kuntratt tal-impjieg kien ġie ffirmat fil-Vjetnam u l-Vjetnamiżi qatt ma ngħataw kopja.
Kien kuntratt definit li kien jistipula li dawn jieħdu s-salarji malli jiskadi.
L-Avukat Pio Valletta, li qed jidher għal kumpanija Leisure Clothing, staqsa lix-xhud jekk kienx konxju li t-termini tal-kuntratt jaqgħu jew jisfaxxaw jekk dan ma jiġix onorat mill-impjegati.
Grech wieġeb fl-affermattiv, imma qal li ma jfissirx li tittieħed mill-paga dovuta. Meta mistoqsi jekk kienx qed jibbaża l-argumenti fuq dak li raha b’għajnejh, ix-xhud qal li le għax l-impjegati qatt ma kienu ngħataw il-kuntratt.
Is-Supretendent Dennis Theuma talab lill-Qorti biex tagħti aktar ċans sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni biex jitressqu aktar provi. Madankollu l-Maġistrat Peralta qal li l-każ li għandu quddiemu m’għandu xejn x’jaqsam mal-investigazzjoni, u anke l-Avukat Valletta qal li l-każijiet huma separati.
Saħaq ukoll li l-kumpanija Leisure Clothing hija disgustata bir-rapporti li qegħdin jidhru fil-media u qal li jaf kif ħarġet l-istorja u li l-verita toħroġ meta jasal il-waqt. Għal Vjetnamiżi qed jidher l-Avukat Karl Briffa.
//= $special ?>