Il-Qorti tal-Appell ordnat li l-Avukat Ġenerali, id-Direttur tal-Kuntratti u l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja jiġu notifikati b’kopja ta’ sentenza tagħha biex dawn jagħmlu l-investigazzjoni meħtieġa ħalli jkun determinat jekk l-Avukat Luciano Busuttil kellux kunflitt ta’ interess b’rabta ma’ parir legali li ta lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u li allegatament ibbenefika minnu Saviour Mifsud, wieħed mill-klijenti ta’ Luciano Busuttil.
Il-każ jitratta oġġezzjoni minn WM Environmental Limited kontra deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla dwar għoti ta’ kuntratt pubbliku għal ġbir ta’ skart domestiku. Il-kuntratt ingħata lil Saviour Mifsud, hekk kif l-orħos offerta ġiet rifjutata umbagħad ġiet miċħuda wkoll it-tieni l-orħos offerta ta’ WM Environmental Limited. Din ġiet rifjutata għat-tieni darba minħabba li ngħad li ċ-ċertifikat tal-ETC ma kienx jinkludi d-dettalji tal-impjegati.
Dawn kienu dettalji mitluba fil-ħruġ tal-offerti, bil-kumpannija WM Environmental tisħaq li dawn kienu ġew ipprovduti tant li meta nfetħu d-dokumenti tat-tender ma kinitx ġiet infurmata li kien hemm xi dokumenti neqsin fl-offerta tagħha. Madankollu, il-kuntratt ingħata lil Saviour Mifsud. WM Environmental qalet ukoll li Luciano Busuttil hu Avukat ta’ Saviour Mifsud f’każ li għandu kontra l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Il-kumpanija spjegat ukoll li kien Luciano Busuttil, bħala Avukat tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla, li ta parir legali lill-Kunsill Lokali biex ma tiġix aċċettata l-offerta ta’ WM Environmental. Sostniet li, għalhekk, Luciano Busuttil kellu kunflitt sfaċċat ta’ interess.
Dwar dan, il-Qorti esprimiet it-tħassib tagħha u qalet li jekk dan hu minnu, allura kien hemm kunflitt serju ta’ interess għax mhux korrett li l-Avukat ikun ta parir lill-Kunsill Lokali li bis-saħħa tiegħu bbenefika klijent ieħor tiegħu. Għaldaqstant, il-Qorti talbet li l-kopja tas-sentenza tagħha tgħaddi għand l-awtoritajiet meħtieġa biex jagħmlu l-investigazzjonijiet meħtieġa.
Il-Qorti qalet ukoll li minħabba li ma jirriżultax li d-dokumenti ta’ WM Environmental Limited kienu nieqsa meta nfetħu t-tenders, iżda ġew dikjarati nieqsa aktar tard, għandu jkun hemm evalwazzjoni mill-ġdid tal-offerti filwaqt li jitħassar l-għoti tal-kuntratt mogħti lil Saviour Mifsud.
//= $special ?>

