Ewropa Internazzjonali Unjoni Ewropea

Deċiżjoni storika dwar dawk li jabbużaw mill-benefiċċji soċjali

Ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jmorru jgħixu f’pajjiż ieħor tal-Unjoni imma ma jkollhomx il-mezzi biex imantnu lilhom infushom finanzjarjament jistgħu jibdew jitwaqqfu milli jidħlu f’pajjiżi tal-UE. Dan wara deċiżjoni storika mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Il-kawża ntrebħet mill-Gvern Ġermaniż minħabba mara Rumena li marret tgħix il-Ġermanja ma’ binha biex tgħix ma’ oħta hemmhekk. Din imbagħad applikat għall-benefiċċji soċjali għaliex kienet qed tfittex ix-xogħol. Irriżulta wkoll li din il-persuna ma kellha ebda kwalifika u għalhekk ma kienx faċli biex issib xogħol.
Issa, permezz ta’ din id-deċiżjoni, kien stabbilit id-dritt tal-pajjiżi tal-UE li jiċħdu l-benefiċċji liċ-ċittadini mill-UE li ma jkollhomx xogħol u m’għandhomx flus biex imantnu lilhom infushom.
Dan il-fenomenu hu magħruf bħala “benefit tourism”.
Id-deċiżjoni enfasizzat li kien legali li wieħed jimblokka l-aċċess għal dawk li ma jkunux qed jikkontribixxu għal dawn il-benefiċċji permezz ta’ ħlas tat-taxxi tal-pajjiż.
Id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea stabbiliet li ċittadini ta’ pajjiż ieħor tal-UE u li japplikaw għall-benefiċċji soċjali, iridu jagħtu prova li għandhom xogħol, għandhom ċans li jsibu xogħol jew għandhom mezzi biżżejjed biex imantnu lilhom infushom u l-familji tagħhom.
B’reazzjoni għal din id-deċiżjoni, Manfred Weber, il-Kap tal-PPE, qal li din id-deċiżjoni kienet turi li l-pajjiżi tal-UE setgħu jevitaw lil dawk “it-turisti tal-benefiċċji soċjali” mingħajr ma jiksru l-prinċipji tal-moviment ħieles taċ-ċittadini tal-UE.