Internazzjonali Kurżitajiet

Ifittxu tigra li qed tiġri ħielsa qrib Pariġi

Il-pulizija u l-iskwadri għall-emerġenzi Franċiżi qed ifittxu tigra li qed tiġri ħielsa u li ntlemħet fil-belt ta’Montevrain, ftit ‘il barra minn Pariġi.

Kienet mara li ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet wara li rat ‘qattus enormi’ fil-car-park ta’ supermarket f’dik il-belt, bil-Kunsill ta’ Montevrain jagħlaq l-aċċessi għal zona ta’ foresta fl-inħawi. Ir-rapporti fl-istampa Franċiża qalu wkoll li ‘l-annimal intlemaħ minn diversi residenti f’Montevrain’.

Intant, ħarġet twissija biex ir-residenti ta’ Montevrain ma joħorġux minn djarhom, bit-tfal tal-iskola fl-inħawi ‘qed jinżammu fil-klassijiet’ sakemm jinqabad l-annimal selvaġġ.

M’hux ċar minfejn kienet ġejja t-tigra, għalkemm hu minnu li hemm kumpless (park) għall-annimali slavaġ qrib ta’ Montevrain.

L-Uffiċċju tas-Sindku, f’Montevrain, ċaħad is-suġġeriment li t-tigra setgħet ħarbet minn ċirku li kien dam fl-inħawi tal-belt sa nhar is-Sibt li għadda.