Jekk il-Partit Laburista jemmen f’dak li jiftaħar, li nqata’ mid-dlamijiet tal-passat; għandu llum jaqta’ linja u jirritorna l-proprjetà li ħa b’qerq lill-poplu u lill-privat. Jekk mhux se jagħmel dan, ikun qed japprova l-passat u japprova wkoll li ma kienx żball li l-Partit Laburista ħa l-proprjetà pubblika u mill-privat biex jagħmilhom każini Laburisti.
Dan l-appell sar mid-Deputat Nazzjonalista Kristy Debono, meta fissret fil-Parlament li l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-partiti politiċi fil-prinċipju hu tajjeb, u li jddaħħal aktar trasparenza, kontabbiltà u mekkaniżmu li jsaħħaħ it-tmexxija tal-partiti fid-demokrazija tagħna.
Abbozz li hu mudellat fuq sistemi leġiżlattivi oħra fl-Ewropa. L-Oppożizzjoni qed taqbel fil-prinċipju favur regolamenti dwar il-finanzjament tal-partiti u d-donazzjonijiet lill-partiti.
Spjegat li l-Parlament mhux qed jivvinta l-istorja, iżda jimplimenta prassi komuni madwar l-Ewropa, u għaldaqstant m’hemm xejn li għandu jkun kontroversjali. Iżda l-problema li mhix żgħira hi fuq id-diverġenza bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, dwar jekk għandux ikun hemm finanzjament mill-istat.
Kristy Debono qalet li nkunu irresponsabbli jekk fil-Parlament nippretendu li qed niddiskutu l-finanzjament tal-partiti u ninjoraw is-sitwazzjoni tal-Partit Laburista li qed igawdi minn proprjetajiet pubbliċi u privati. Proprjetà li qed toħloq differenza netta u ċara u li l-Partit fil-Gvern qed jinjoraha u qed jargumenta li m’għandix tkun inkluża f’dan id-dibattitu.
Il-paraguni odjużi, qalet Kristy Debono, iżda f’dan ir-rigward, bil-pożizzjoni li qed jieħu l-Gvern, hi oxxena u bla paragun. Gvern li qed juri bil-fatti li jrid jiżvija u jqarraq bin-nies.
Semmiet il-kwistjoni dwar x’inhu sewwa u dak li mhuwiex. Appellat lill-Partit Laburista jwaqqaf dak li mhux sewwa u jikkoreġi fejn hu żbaljat, u mbagħad jibda jitkellem u jittieħed bis-serjetà dwar il-finanzjament tal-partiti.
Il-Parti Laburista għandu numru kbir ta’ proprjetajiet pubbliċi għall-użu politiku u mhux biss, qed jaqla’ wkoll dħul finanzjarju. Dawn huma fatti ċari, li qegħdin hemm u f’wiċċ kulħadd. Staqsiet jekk il-Partit Laburista jemminx li hu sewwa li għandu aktar minn nofs il-każini li mhumiex tiegħu – 28 każin b’kollox.
Il-pożizzjonijiet u dikjarazzjonijiet konflinġenti tal-Prim Ministru u tal-Partit Laburista saru l-ordni tal-ġurnata għall-Partit Laburista fil-Gvern.
B’rabta mal-każijiet pendenti li hemm fil-qrati, fejn Gvern jitlef il-kawzi u jkollu jikkumpensa, Kristy Debono staqsiet x’se tkun il-pożizzjoni. Staqsiet jekk hux se jkun il-Gvern li jħallas mit-taxxa tan-nies, jew li jkun il-Partit Laburista li jagħmel tajjeb għall-kumpens.
Appellat lill-Gvern jieħu azzjoni, jitnaddaf mill-għemil, jammetti l-iżball, jikkoreġih, u jirritorna l-proprjetà li mhix tiegħu.
Dwar id-dejn tal-partiti li ssemma ħafna fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi li jirregola l-partiti politiċi, Kristy Debono qalet li l-Partit Laburista wasal sal-punt li jbiegħ l-Australia Hall bi prezz li ħadd ma jemmen ,u li jgħid li hu ta’ nofs miljun ewro meta l-valur tal-proprjetà tlaħħaq l-€10 miljun. Semmiet ukoll kif il-Gvern ukoll fl-ewwel sena tiegħu sploda d-dejn għal €519-il miljun.
//= $special ?>