Kultura

Kunċert ta’ mużika korali u orkestrali ta’ Gounod

Nhar il-Ġimgħa, 21 ta’ Novembru, is-St Paul Choral Society, wieħed mill-aqwa korijiet polifoniċi f’Malta, fl-okkażjoni tal-Festa ta’ Santa Cecilia, qaddisa patruna tal-mużika, se tippreżenta kunċert bil-kor u l-orkestra fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.

Il-mużika se tkun kollha tal-kompożitur famuż Franċiż tas-Seklu 19, Charles Gounod. Il-kunċert se jsir taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, u se jsir b’risq ir-Richmond Foundation.

Il-kunċert se jiftaħ bil-Marche Pontificale, li Gounod kiteb għall-Ġublew tad-Deheb tal-Papa Piju IX u li llum huwa l-aktar magħruf bħala l-Innu tal-Istat tal-Vatikan. Il-kor imbagħad se jeżegwixxi għall-ewwel darba f’Malta l-Magnificat u n-Nunc Dimittis li Gounod kiteb fl-1872, waqt li kien qed jgħix l-Ingilterra.

Il-programm ikompli bil-Marche Religieuse, xogħol strumentali li rari jinstema’, u b’żewġ biċċiet għall-mezzo-sopran: ir-Répentir u l-famuża Ave Maria ibbażata fuq l-Ewwel Preludju ta’ Bach. Claire Massa se tkun is-solista f’dawn il-biċċtejn.

Wara li l-orkestra ddoqq il-famuża Judex mill-oratorju Mors et Vita, il-kunċert jilħaq il-qofol tiegħu bil-kant tal-Messe Solennelle Sainte Cécile, għal solisti, kor, orgni u orkestra. Is-solisti se jkunu Rosabelle Bianchi (sopran), Charles Vincenti (tenur) u Albert Buttigieg (baxx).

L-orkestra, magħmula minn 34 mużiċist, se tkun taħt it-tmexxija ta’ James Zammit. L-organista se tkun Dr Elisabeth Conrad. Il-kunċert se jkun taħt id-direzzjoni ta’ Dr Hugo Agius Muscat.

Il-kunċert jibda fis-7.30pm u jdum madwar siegħa u kwart. Id-dħul huwa b’xejn imma min jattendi jkun mistieden li jagħti donazzjoni lir-Richmond Foundation.

Il-kunċert qed ikun organizzat bil-kollaborazzjoni tal-Kapitlu Metropolitan tal-Katidral u l-Fondazzjoni tal-Konkatridral ta’ San Ġwann. In-nisa huma mfakkra jilbsu żraben mingħajr tkaken stiletto jew dejqa.