Internazzjonali

L-Awstralja tgħasses bastimenti navali Russi

Il-Prim Ministru tal-Awstralja Tony Abbott qal li bastimenti navali Russi fit-Tramuntana tal-Awstralja qed ikunu monitorjati.

Il-Prim Ministru Awstraljan ikkonferma li l-Gvern għandu għajnejh fuq vapuri navali Russi li bħalissa qed ibaħħru mill-ibħra internazzjonali fit-Tramuntana tal-pajjiż.

Ir-Russja għadha kif stazzjonat erba’ bastimenti tal-gwerra fil-Baħar Paċifiku qrib Papua New Guinea. Il-President Vladimir Putin għandu jasal l-Awstralja llum għas-summit tal-G20 fi Brisbane.

Il-Prim Ministru Abbott qal li l-preżenza Russa fil-Baħar Paċifiku kienet ilha ppreparata. Tony Abbott sostna mal-ġurnalisti fi Myanmar li mhux soltu għar-Russja li tibgħat vapuri mill-qawwa navali tagħha meta hemm diversi avvenimenti internazzjonali importanti li qed iseħħu.

Id-Dipartiment tad-Difiża qal li l-movimenti tal-bastimenti kienu “konsistenti” mal-liġi internazzjonali.