Lokali

L-ultimata lil Manwel Mallia juru li l-attitudni tal-Ministru hi ta’ periklu – il-PN

Il-Ministru Manwel Mallia għandu jagħmel eżami tiegħu nnifsu u jirrealizza li l-attitudni negattiva u d-deċiżjonijiet tiegħu qed iwasslu għal rabja kbira fost bosta persuni li huma impjegati f’korpi li hu responsabbli tagħhom, kif ukoll għall-kriżi istituzzjonali, li pajjiżna qatt ma kellu bħalha. Dan qalu l-Partit Nazzjonalista, fi stqarrija f’isem il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Jason Azzopardi, li fiha fakkar ukoll fiż-żewġ ultimata li ngħataw mill-membri tal-Korp tal-Pulizija u mill-Ombusman, li qed jinvestiga lmenti dwar promozzjonijiet fil-Forzi Armati.

Il-PN qal li hu inkwetanti li l-Ministru tal-Intern jispiċċa jingħata żewġ ultimata, li wieħed minnhom hu mill-Ombudsman Parlamentari. Il-poplu Malti bilfors jinkwieta meta jara Ministru fi sfida diretta kontra min xogħolu hu li jħares iċ-ċittadin mill-abbuż tal-poter. L-indħil politiku fil-Korp tal-Pulizija u fil-Forzi Armati mhu qatt iġġustifikat u għandu jieqaf mill-aktar fis. L-attitudni ta’ Mallia hi ta’ periklu f’pajjiż demokratiku Ewropew.

Ta’ dan kollu, il-Prim Ministru Joseph Muscat għandu ħafna xi jwieġeb għax kulma jagħmel Manwel Mallia jsir bil-barka ta’ Muscat, temmet tgħid l-istqarrija.