Il-Ministru Refalo jgħid li ma kienx preżenti fil-Parlament meta sar qbil dwar kif il-Ministri għandhom iwieġbu mistoqsija parlamentari
Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ma kienx infurmat b’dak li seħħ f’seduta parlamentari ta’ din il-ġimgħa b’rabta mal-mod kif il-Gvern għandu jwieġeb dwar informazzjoni mitluba mill-Oppożizzjoni dwar quotations u direct orders.
Għal mistoqsijiet li għamlet id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, li talbet lill-Ministri jagħtu informazzjoni dwar xiri ta’ servizzi u prodotti li ġew ordnati minn April 2013 permezz ta’ quotations jew direct orders, kien hemm erba’ Ministri oħra li fis-seduta tal-bieraħ l-Erbgħa, wieġbu għal din il-mistoqsija.
Il-Ministru Anton Refalo, li ta l-istess informazzjoni kif taw numru ta’ Ministri oħra fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta li għaddiet, qal li ma kienx preżenti l-Parlament nhar it-Tlieta, u għalhekk evidenti li ma kienx infurmat bid-dibattitu li sar fil-Kamra b’rabta mal-mod kif il-Ministri tal-Gvern kienu qed jirrispondu għal dawn il-mistoqsijiet tal-Oppożizzjoni.
Nhar it-Tlieta fil-Parlament, il-Gvern qabel mal-Oppożizzjoni li se jkun qed jagħti l-informazzjoni mitluba, li tinkludi wkoll lista tal-kumpaniji jew individwi li ntalbu quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order, u min ingħata x-xogħol.
Il-Ministru Leo Brincat ukoll wieġeb bħall-Ministru Anton Refalo fit-tweġiba li ta bil-miktub, minkejja li kien hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni dwar il-mod kif għandha titwieġeb din il-mistoqsija parlamentari.
Il-Viċi Kap tal-Oppożizzjoni għall-Ħidma fil-Parlament, Mario de Marco, kien għamilha ċara mal-Gvern fis-seduta ta’ nhar it-Tlieta, li din hi informazzjoni importanti fl-infiq tal-Gvern, u li l-Gvern hu fl-obbligu li jagħti l-informazzjoni.
B’rabta mal-istess mistoqsijiet li saru lill-Ministri Edward Scicluna u Evarist Bartolo, it-tweġibiet li taw ilbieraħ fil-Parlament kienu differenti milli taw il-Ministri sħabhom Leo Brincat u Anton Refalo, u qalu li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
//= $special ?>