Familja residenti fi blokk ta’appartamenti fil-belt ta’ Bournemouth, fir-Renju Unit, indunat li l-affarijiet ma kenux sew ladarba rat ‘il-likwidu roża’ qed iqattar mis-saqaf tal-kamra tal-banju tagħha.
Il-likwidu kien, fil-fatt, id-demm dilwit ta’ William Spiller, xufier tat-taxi ta’ 48 sena, li kien jgħix fl-appartament ta’ fuqhom u li spiċċa matul u mbiċċer minn ibnu minħabba argument fuq il-flus.
Il-Qorti ta’ Winchester qed tisma’ d-dettalji makabri tal-każ, fejn l-iben, Nathan Robinson, hu akkużat bil-qtil ta’ missieru. Ingħad li Robinson uża sikkina u siega biex ibiċċer il-katavru qabel poġġa l-partijiet imqattgħin ta’ missieru f’kaxxi tal-plastik li, imbagħad, użahom bħala stand tat-televiżjoni.
Il-qtil brutali seħħ f’Mejju tal-2013 u l-każ hu partikolarment kurjuż għaliex il-vittma kien “raġel twil u mibni”. Fil-fatt, kollox jindika li ibnu ħela ħafna ħin u sforz ‘biex jiddisponi mill-katavru b’mod daqstant metikoluż’
Meta l-ġirien tal-maqtul marru jinvestigaw ‘il-likwidu’ li kien nieżel mis-saqaf tal-kamra tal-banju kien fetħilhom Robinson, li, bil-kalma kollha, qalilhom li ‘kellu argument ma’ missieru’. Jidher li Robinson kien baqa’ jgħix ħajja normali, sakemm il-pulizija, xahar wara, wieġbu għal rapport ‘dwar l-għejbien ta’ Spiller. Huma daħlu fl-appartament, fejn ma damux biex isibu l-biċċiet tal-katavru fil-kaxxi tal-plastik.
Robinson, li għandu 28 sena, kien arrestat wara li mar fi Glasgow, fl-Iskozja, u nefaq il-flus li kien ħa lil missieru ‘fuq ix-xorb u d-divertiment’.
//= $special ?>