Internazzjonali

Splużjonijiet qrib l-Ambaxxati fi Tripli

Ma daħlux rapporti immedjati dwar vittmi wara li splodew żewġ bombi qrib l-Ambaxxati tal-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda, fil-Libja.

Mhux magħruf jekk il-membri tal-istaff u l-gwardjani tas-sigurta’ kenux fil-kumplessi fil-ħin meta seħħew l-isplużjonijiet. Lanqas m’hemm dettalji dwar jekk l-Ambaxxati inkwistjoni, fil-belt ta’ Tripli, kenux il-mira speċifika tal-aggressuri.

L-isplużjonijiet segwew sensiela ta’ attakki bil-karozzi-bomba li seħħew, ilbieraħ, fil-Libja. Dawn l-attakki kkonċentraw, fil-parti kbira, fl-ibliet li huma kkontrollati mill-Gvern Libjan (fil-preżent ibbażat f’Tobruk) li qed igawdi għarfien internazzjonali. Il-Gvern inkwistjoni, bħalissa, qed jiffaċċja l-isfida ta’ Gvern rivali li kien twaqqaf xhur ilu fi Tripli.

Matul is-sajf, l-Eġittu u l-Emirati Għarab Magħquda ngħaqdu ma’ pajjiżi oħrajn li rtiraw l-istaff diplomatiku minn Tripli. Dan kellu jseħħ minħabba l-battalji konsistenti bejn il-gruppi ta’ milizzji rivali li kienu qed jiġġieldu għall-kontroll tal-kapitali Libjana.

Fil-fatt, Tripli waqgħet f’idejn grupp partikolari ta’ milizzji li waqqaf il-Gvern u l-Parlament tiegħu. L-istess grupp ta’ milizzji spiċċa jkeċċi lill-Parlament-elett u l-Gvern tal-Prim Ministru, Abdullah al-Thinni, li llum hu kostrett li jaħdem mill-inħawi ta’ Tobruk.