Qorti

Tliet snin ħabs u multa ta’ €4,000 fuq droga mhux għal użu personali

Malti-Awstraljan li fuqu nstabu 15-il gramma ta’ kokaina waqt “roadblock” li kien sar fl-2004 ġie kundanant tliet snin ħabs u mmultat €4,000 wara li nstab ħati tal-imsemmija droga li nstabet f’ċirkostanzi li ma kienitx għal użu tiegħu personali.

Id-droga kienet instabet fit-3 ta’ Awwissu tal-2004, wara li Paul Philip Caruana, ta’ 44 sena, mill-Mosta, kien twaqqaf waqt road-block ta’ rutina fi Triq il-Mitħna, Ħal-Qormi. Fil-karozza ta’ Caruana, Peugeot 106, il-Pulizija sabet żewġ qratas li kien fihom 14.69 gramma ta’ kokaina b’purita’ ta’ 40 fil-mija u nstabu wkoll M1,097 fi flus kontanti.

Fix-xhieda tiegħu l-akkużat qal li d-droga kienet għal użu personali tiegħu. Mistoqsi dwar il-flus kontanti li nstabu fil-karozza, u l-fatt li kien hemm ammont konsiderevoli ta’ droga fil-karozza, Caruana qal li kien xtara 15-il gramma għaliex kien se jqatta Ġimgħatejn, Għawdex.

Huwa qal ukoll li ma kienx juża’ d-droga b’mod frekwenti, u li ġieli ma ħax droga fuq bażi regolari minħabba li jispiċċa jsofri minn uġiegħ ta’ ras u bħal ħass ħażin.

Fid-deżiżjoni tagħha l-Qorti, preseduta mill-Maġistrat Maġistrat Marseann Farrugia, ngħad li l-verżjoni tal-akkużat hija waħda nkonsistenti dwar il-mod kif hu qal li juża d-droga. Il-Maġistrat qalet li mhux possibbli l-ġisemn jiflaħ għal tant droga fi żmien daqstant qasir.

Aktar minn hekk Caruana qal li hu ma jiflaħx għal ħafna droga għax jispiċċa b’rasu tuġgħu u ħass ħażin. Ingħad ukoll li minkejja li huwa rriforma u lanqas ma għandu xi kondotta maħmuġa ħafna, għandu jħallas id-dejn tiegħu lis-soċjeta’. L-Ispettur Pierre Grech mexxa l-Prosekuzzjoni.