Il-Partit Laburista qed jikser wegħda oħra elettorali bil-proposti tiegħu li jirregolaw il-partiti politiċi
L-abbozz ta’ liġi li qed iressaq il-Gvern li jirregola l-partiti politiċi, hu eżempju ieħor kif il-Prim Ministru Muscat mhux qed iżomm mal-wegħdiet elettorali dwar it-trasparenza u l-proċess demokratiku u li huma mniżżla iswed fuq l-abjad fil-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista llum fil-gvern.
Dwar dan tkellmet fil-Parlament id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg, u fakkret b’konsistenza li hemm wegħdiet li l-Prim Ministru Muscat mhux qed iżomm magħhom u t-trasparenza hi essenzjali fil-proċess demokratiku.
Meta kkwotat mill-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista u mill-kapitlu li jittratta d-demokrazija u t-trasparenza, f’paġna 185 il-Manifest Elettorali jassigura li flus li ġejjin minn korruzzjoni ma jiffinanzjawx politiċi, u li tiżdied it-trasparenza tal-partiti li jkunu obbligati li jagħtu rendikont tal-istat finanzjarju tal-partiti.
Claudette Buttigieg qalet li hi ħasra li qed naraw dan il-Gvern, li tant wiegħed politika ta’ trasparenza, jaddotta politika ta’ ħabi u nuqqas ta’ trasparenza, kif aġixxa meta mar iċ-Ċina u ffirma kuntratti u ftehim minn wara dahar il-poplu u fil-Parlament jibqa’ jirrifjuta li jippreżenta dak li ffirma fiċ-Ċina b’rabta wkoll mal-proġett tal-power station.
Irriferiet ukoll għal dak li jsemmi l-Manifest Elettorali dwar il-politiċi u l-enfasi fuq li għemilhom ikun trasparenti. Staqsiet jekk dan jgħoddx għall-istess politiċi li hemm illum fil-Partit Laburista fil-Gvern.
Dwar il-verifiki ta’ kumpaniji li jiġu black listed u li jitfgħu tenders għal proġetti tal-Gvern, l-Oppożizzjoni staqsiet ħafna fuq individwi, bħalma hu Shiv Nair, li kellu rabtiet mal-Partit Laburista, u fakkret ukoll fuq il-kumpanija Ċiniża li kienet mitluba tagħmel xogħol għall-Gvern u li kienet black listed mill-Bank Dinji u sal-lum il-Gvern dwar dan għadu ma ta ebda informazzjoni.
Għall-kritika tal-Gvern li qed jizzika lill-Oppoiżizzjoni bid-diffikultajiet finanzjarja, Claudette Buttigieg qalet li l-Partit Nazzjonalista jista’ jpoġġi jdejh fuq il-kuxjenza u jgħid li qatt ma ta rigal lilu nnifsu.
Dwar in-nuqqas ta’ trasparenza li qed juri dan il-Gvern, id-Deputat Nazzjonalista qalet li hu dan il-Gvern li llum qed narawh jaħrab li jippubblika nkjesti u investigazzjonijiet ta’ natura serji. Għal kuntrarju, kull meta l-Partit Laburista fl-Oppożizzjoni kien jagħmel akkużi u allegazzjonijiet, Gvern Nazzjonalista dejjem wieġeb billi talab investigazzjoni lill-Pulizija, u r-rapport tagħhom gvernijiet Nazzjonalisti dejjem irrispettaw.
Saħqet li hu dritt tal-Oppożizzjoni li tistaqsi fuq l-aġir u l-mod kif qed iwettaq il-politika dan il-Gvern, għaliex dan hu Gvern li tela’ bl-għajta tad-demokrazija u t-trasparenza, u t-trasparenza għandha tkun fuq il-livelli kollha.
Il-Partit Nazzjonalista qed jitlob li għandha titneħħa kull diskriminazzjoni politika kontra l-Partit Nazzjonalista, liema diskriminazzjoni għamilha biss il-Partit Laburista kull meta kien fil-Gvern. U jekk il-Partit Laburista jrid juri verament kemm mhux ‘il fuq mil-liġi, appellat lill-Gvern biex il-PL jagħti lura l-proprjetà li ttieħdet b’abbuż lil sidien privati u dawk meħuda mill-istat jekk jemmen li jrid ikun trasparenti u jibda triq ġdida ‘l quddiem permezz tal-liġi li tirregola l-partiti poltiċi.
Claudette Buttigieg qalet li min irid ikun emmnut irid ikun kredibbli. Illum il-ġurnata hemm min qed jiġih id-dubju u qed irabbi wkoll kuraġġ bħalma hu fil-każ tal-każin Laburista f’Ħal Qormi fejn il-familja ddeċidiet li tieħu passi fil-qrati.
Fakkret li jekk irridu nkunu onesti man-nies, nirbħu l-fiduċja tan-nies, bit-tip ta’ politika ta’ dan il-Gvern hemm il-biża’ li tkompli tonqos u mhux tiżdied il-fiduċja fil-politika u fil-politiċi.
//= $special ?>