Il-Qorti tal-Appell ordnat li l-Avukat Ġenerali, d-Direttur tal-Kuntratti u l-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja jiġu notifikati b’kopja ta’ sentenza tagħha sabiex dawn jagħmlu l-investigazzjoni meħtieġa biex ikun determinat jekk l-Avukat Luciano Busuttil kellux kunflitt ta’ interess b’rabta ma’ parir legali li ta lill-Kunsill Lokali ta’ Bormla u li allegatament ibbenfika minnu wieħed mill-klijenti tiegħu bl-isem ta’ Saviour Mifsud.
Il-każ jitrattà oġġezzjoni minn WM Environmental Limited kontra deċiżjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla dwar għoti ta’ kuntratt pubbliku għal ġbir ta’ skart domestiku. Il-kuntratt ingħata lil Saviour Mifsud hekk kif l-irħas offerta ġiet rifjutata minħabba li ma kienx fiha bid book, imbgħad ġiet miċħuda wkoll it-tieni l-irħas offerta ta’ WM Environmental Limited minħabba li ingħad li ċ-ċertifikat tal-ETC ma kienx jinkludi d-dettalji tal-impjegati. Dawn kienu dettalji mitluba fil-ħruġ tal-offerti bil-kumpannija WM Environmental iżda tisħaq li dawn kienu ġew provduti tant li meta nfetħu d-dokumenti tat-tender ma kienitx ġiet infurmata li kien hemm xi dokumenti neqsin fl-offerta tagħha. Il-kuntratt imbgħad ingħata lil Saviour Mifsud.
Filwaqt li fil-Qorti saħqet li kienet ssottometiet id-dokumenti li iktar tard ingħad li kienu nieqsa, WM Environmental qalet ukoll li Luciano Busuttil huwa avukat ta’ Saviour Mifsud li fl-aħħarnett ingħata dan il-kuntratt pubbliku, f’kaz li għandu kontra l-Kunsill Lokali ta’ Tas-Sliema.
Spjegat ukoll li kien Luciano Busuttil bħala avukat tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla li ta’ parir legali lill-Kunsill Lokali biex ma tiġix aċċettata l-offerta ta’ WM Environmental għaliex intqal li kien hemm dokumenti mitluba li ma ġewx sottomessi. Il-kumpannija qalet li għalhekk Luciano Busuttil kellu kunflitt sfaċċat ta’ interess hekk kif ta’ parir legali lill-Kunsill Lokali bħala avukat li minnu bbenfika klijent tiegħu. Dwar dan l-allegat kunflitt ta’ intress, il-Qorti esprimiet l-preokupazzjoni tagħha u qalet li jekk dan huwa minnu allura kien hemm kunflitt serju ta’ interess għax mhux korrett li l-avukat ikun ta parir lill-Kunsill Lokali li bis-saħħa tiegħu bbenfika klijent ieħor tiegħu u aktar u aktar għax ma għarrafx liż-żewġ partijiet b’dan il-kunflitt ta’ interess.
Il-Qorti għalhekk talbet li l-kopja tas-sentenza tagħha tgħaddi għand l-awtoritajiet meħtieġa biex jinvestigaw jekk kienx hemm kunflitt ta’ interess fl-aġir tad-Deputat Laburista Luciano Busuttil fil-professjoni tiegħu bħala avukat.
Il-Qorti qalet ukoll li minħabba li ma jirrizultax li d-dokumenti ta’ WM Environmental Limited kienu nieqsa meta infethu t-tenders imma ġew dikjarati nieqsa iktar tard, għandu jkun hemm evalwazzjoni mill-ġdid tal-offerrti filwaqt li jitħassar l-għoti tal-kuntratt mogħti lil Saviour Mifsud.
//= $special ?>