Internazzjonali

Arrestat fil-Portugall dwar korruzzjoni marbuta mal-visas

Il-Pulizija Portugiża arrestat lill-Kap tas-Servizzi tal-Immigrazzjoni u s-Sorveljanza tal-Fruntieri (SEF) Manuel Palos bħala parti minn investigazzjoni dwar il-korruzzjoni marbuta mal-ħruġ tal-hekk-imsejħa golden visas għall-investituri barranin sinjuruni.

L-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali f’Lisbona qal li saru diversi arresti, bil-Pulizija tinvestiga każi suspettati ta’ korruzzjoni f’diversi lokalitajiet madwar il-Portugall. Dan seħħ bħala parti mill-investigazzjoni dwar il-visas u affarijiet oħrajn, bl-awtoritajiet jissuspettaw f’każi ta’ korruzzjoni, tixħim u ħasil ta’ flus.

Minbarra Palos, kienu arrestati persuni oħrajn filwaqt li saret ukoll tfittxija fil-kumpless tal-SEF. Hu mifhum li għalissa ma tressqux akkużi kriminali fil-konfront ta’ Palos.

Fl-2012, il-Gvern tal-Portugall introduċa l-programm golden visa waqt kriżi tad-djun, minbarra li ħareġ il-permessi tar-residenza għaċ-ċittadini ta’ pajjiżi li m’humiex fl-Unjoni Ewropea u li investew fil-propjetà.

L-iskema iġġenerat ‘il fuq minn $1 biljun f’investiment, fil-parti kbira mingħand Ċiniżi li riedu jixtru l-propjetà u li kienu lesti biex jinvestu ‘l fuq minn €500,000 f’dan is-settur, fil-Portugall.

Pajjiżi oħrajn tal-UE għandhom l-iskemi simili, bil-Portugall jippermetti biex ‘il-barranin’ li jinvestu fil-programm jivvjaġġaw bil-libertà tul iż-Żona Schengen tal-Ewropa (li tinkludi 26 pajjiż) mingħajr restrizzjoni.

Madankollu, il-politiċi tal-Oppożizzjoni jinsistu li din l-iskema tista’ tipprovdi ‘l-opportunitajiet’ għall-kriminali minbarra li tixpruna l-korruzzjoni. Sadanittant, il-Gvern Portugiż insista li l-ispezzjonijiet tal-applikanti għall-visas jilqgħu l-kriterji kollha tal-UE, iżda, matul is-sajf ammetta wkoll li qed jinvestiga allegazjonijiet ta’ korruzzjoni marbuta mal-programm.