L-aħħar ċifri tal-impjiegi f’Malta juru ċar li l-Gvern Laburista reġa’ lura għal ekonomija li tiddependi fuq l-impjiegi mal-gvern. F’16-il xahar, il-Labour daħħal xejn anqas minn 4,400 ruħ mal-gvern – il-maqlub eżatt ta’ li wiegħed lill-Unjoni Ewropea. Il-Ministru tal-Finanzi gideb li l-impjiegi mal-gvern huma perċezzjoni statistika, mhux realtà. Imma nqabad. Issa l-Gvern qed ikompli jigdeb hu u jipprova jżelleġ il-fatt li f’sena u erba’ xhur daħħal 4,400 ruħ mal-gvern.
Wiegħed li ma jdaħħalx daqs kemm jirtiraw
Għaliex qed ngħidu li daħlu 4,400 ruħ mal-gvern kemm ilu l-Labour? Għax minn mal-gvern l-ewwel nett jirtiraw 1,500 ruħ fis-sena. Edward Scicluna wiegħed lill-Unjoni Ewropea li flok l-1,500 li jirtiraw kull sena, mhux se jdaħħal 1,500 imma ferm anqas ħalli b’hekk jikkontrolla d-dejn.
Għaliex daħlu 4,400 ruħ mal-gvern f’16-il xahar?
Dak li wiegħed il-Ministru tal-Finanzi lill-Unjoni Ewropea mhux talli ma seħħx, talli għamel eżatt bil-maqlub. Mhux talli daħħal 2,000 ruħ mal-gvern flok dawk li rtiraw fis-16-il xahar bejn dakinhar li tela’ l-Labour u Ġunju li għadda, talli żied 2,400 oħra magħhom. B’kollox, jiġifieri, daħħal 4,400 ruħ mal-gvern kemm ilu li tela’ l-Labour.
Il-Gvern Laburista jżid id-dejn bi 3 miljun ewro kuljum
Edward Scicluna kien qal li jrid inaqqas id-dejn billi jnaqqas in-nies mal-gvern għax il-pagi huma biċċa sew min-nefqa tal-Gvern. Anke hawn, il-Labour għamel eżatt bil-maqlub. Ċifri li għadhom kemm ħarġu juru li fl-ewwel sitt xhur biss ta’ din is-sena, il-Labour żied id-dejn b’518-il miljun ewro, jiġifieri 3 miljun ewro dejn kuljum.
Edward Scicluna gideb dwar perċezzjoni statistika…
Il-Ministru tal-Finanzi gideb lill-ġurnalisti meta ħarġet il-verità dwar l-isplużjoni ta’ impjiegi mal-gvern u qal li din kienet biss perċezzjoni, bħat-traffiku. Ħaseb li l-ġurnalisti ma jafux jaqraw l-istatistika. Imma lil Edward Scicluna giddbuh il-ġurnalisti, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika u l-Awtorità Maltija tal-Istatistika.
…u l-Gvern qed jigdeb dwar is-saħħa, l-edukazzjoni u t-trasport pubbliku
U issa, il-Gvern Laburista qed ikompli jigdeb. Qed jipprova jħawwad bejn kemm daħħal nies u kemm żied nies mal-gvern; żewġ ċifri differenti ladarba minn mal-gvern jirtiraw in-nies. Qed jgħid li n-nies li daħħal huma fl-edukazzjoni u fis-saħħa imma mhux qed jgħid f’liema gradi. U qed jgħid li 900 huma impjegati tat-trasport pubbliku meta għadu kif għabba lit-taxpayer bi 23 miljun ewro sussidju li se jiżdied kull sena; 23 miljun ewro huma d-doppju tal-pagi ta’ 900 ruħ fit-trasport pubbliku.
Gvern li jigdeb u li qed jagħmel l-ekonomija tiddependi fuqu
Il-Labour daħħal 4,400 ruħ mal-gvern, gideb li dawn huma perċezzjoni u qed ikompli jigdeb issa. U dawn fil-fatt huma żewġ sinjali ewlenin tal-Gvern Laburista: ekonomija li tiddependi fuq il-Gvern flok fuq l-inizjattiva privata, u l-gideb.