Ex-nursing aid, ta’ 49 sena, mill-Kalkara ġie lliberat minn akkużi ta’ stupru, fejn kien qed jiġi allegat li dan seħħ f’tank tal-fertiliżżant f’għalqa ġewwa ħ’Attard, fuq tfajla li kien baqala’ ftit ġimgħat oħra biex tagħlaq it-18-il sena. Mill-fatti jirriżulta li Paul Vassallo ma kienx jaf li t-tfajla kienet taħt l-eta’ u li minkejja li ħa parti magħha f’attivitajiet sesswali, qatt ma kellu x’jaqsam magħha.
Mis-sentenza mogħtija mill-Maġistrat Audrey Demicoli, irriżulta li t-tfajla ma kienitx kredibbli fix-xhieda li tat u li Vassallo, anke jekk ammetta li waqa’ għat-tentazzjoni tagħha, kien kredibbli u dejjem sostna li qatt ma kien hemm penetrazzjoni mat-tfajla, u li dak li sar, seħħ bil-kunsens tagħha.
Mix-xhieda tat-tfajla rriżulta, li hija kienet stuprata meta kellha 13-il sena, u li sa l-eta’ ta’ 16-il sena, diġa kellha rapporti sesswali b’mod regolari mal-“boyfriends” tagħha.
Il-Qorti nnotat ukoll li ma’ xi kollegi tax-xogħol hija qalet li l-istupru kien seħħ f’kamra tas-sodda li kien hemm fl-għalqa filwaqt li ma’ oħrajn qalet li dan seħħ kollu fit-tank.
Il-każ dam ikarkar seba’ snin peress li dan kien qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Jacqueline Padovani, u din kienet ikkundannat lil Vassallo għal erba’ snin ħabs. Vassallo kien appella mis-sentenza, u l-Qorti tal-Appell minħabba punti legali kienet ordnat li l-każ jerġa’ jinstema’ mill-ġdid. Għal Paul Vassallo deheru l-Avukati Giannella Demarco u Steve Tonna Lowell bil-Prosekuzzjoni titmexxa mill-Ispetturi Raymond Aquilina u Ramon Mercieca.
//= $special ?>

