Ekonomija Lokali Saħħa

Il-Baġit 2015 għandu jassigura li l-anzjani għall-inqas iżommu l-istess livell ta’ għajxien – il-PN

Fil-Bagit tat-Tnejn li ġej, il-Gvern għandu jassigura li anzjani u persuni vulnerabbli għall-inqas iżommu l-istess livell ta’ għajxien li għandhom. Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli qal li biex jagħmel dan, il-Gvern irid jagħmel tajjeb għat-tnaqqis fil-COLA biex l-anzjani jieħdu mhux anqas minn €200 f’sena. Fakkar li filwaqt li ħafna ħaddiema jkollhom żidiet marbutin ma’ ftehim kollettiv, l-anzjani jiddependu biss fuq iż-żieda tal-għoli tal-ħajja.

Clyde Puli qal li baraminhekk, f’dak li issa hu t-tielet Baġit tiegħu, il-Gvern Laburista għandu jindirizza l-wegħda elettorali li d-dħul pensjonabbli jitla’ għal 60% tal-paga medja f’Malta. Semma’ wkoll kif minflok qed jeqred il-faqar kif wiegħed, l-ewwel sena ta’ Gvern Laburista rat żieda ta’ 11,000 persuna li jinsabu f’riskju ta’ faqar. Semma’ wkoll l-aktar nies vulnerabbli li jinsabu f’akkomodazzjoni soċjali u kif dawn għandu mhux biss ikollhom kumpens għall-għoli tal-ħajja, iżda wkoll kumpens għall-kirjiet li għolew f’daqqa.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Anzjani Mario Galea qal li jekk il-pensjoni tal-anzjani twassalx sal-aħħar tax-xahar se jkun qed jiddependi mill-miżuri li se jħabbar il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna. Elenka lista ta’ wegħdiet mhux miżmuma mill-Gvern Laburista, fosthom tal-mediċini li mhux biss mhux jitwasslu iżda qed ikunu out-of-stock, inkluż f’San Vinċenz de Paul. Barraminhekk, il-Gvern ma ħasibx għal aktar sodod għall-anzjani u dan se jkollu effett fuq l-Isptar Mater Dei, hekk kif jirranka l-istaġun tal-influwenza.

Mario Galea qal ukoll li l-anzjani jistennew li l-operatur il-ġdid tat-trasport pubbliku jonora l-prezz speċjali ta’ 50ċ għall-anzjani.

Il-Kandidat ġdida tal-Partit Nazzjonalista Graziella Schembri qalet li hu dmir tal-politiċi li jassigura li l-anzjani jgħixu b’mod dinjituż. Qalet li filwaqt li l-Gvern sab flus biex Carmelo Abela, Silvio Schembri u Sai Mizzi ikunu komdi, daqstant ieħor għandu jassigura għajxien tajjeb għall-pensjonanti.