Ambjent Lokali

“Il-bilanċ ambjentali diġa’ xaqleb sew lejn l-iżviluppaturi” – Godfrey Farrugia, Deputat Laburista

“Tlifna iżżejjed diġa’. U li fadal iridu nibżgħu għalih daqs id-dawl ta’ għajnejna”. Dawn huma l-kummenti li ħalla fuq Facebook id-deputat Laburista Godfrey Farrugia b’referenza għall-aħbar li l-Gvern għandu quddiemu proposta li jibni tliet lukandi fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Id-deputat Laburista kien qed jirreaġixxi għal post fuq Facebook minn Marlene Farrugia, fejn tefgħet link għal blog tal-Editur tat-Times Herman Grech intitolat ‘The Uglification of Malta…the sequel’. Dan il-blog jikkwota lil Sandro Chetcuti, President tal-MDA, illi qal li l-iżvilupp ta’ tliet lukandi se jsir f’żoni li skont hu huma mitluqa u mhux użati.

B’reazzjoni għal dan kollu, Godfrey Farrugia qal illi aktar minn 30% ta’ pajjiżna diġa’ hu mibnja meta l- medja Ewropeja hi 5%.

Skont id-deputat Laburista, “il-kalatru tal-qalba tal-irħula hi mhedda, l-kampanja tilfet ruħha, l-kosta u l-ibħra jixirqilhom aktar”. Kompla jikteb “aħna għandna ġawrha ta’ pajjiż li rridu ngħożżuh. Dan mhux tagħna iżda ta’ uliedna. Irid jinstab bilanċ, u l-keffa ma tistax ixxaqleb lejn l-iżviluppaturi għax diġa xaqilbet sew lejhom”.