Internazzjonali Mużika

Il-grupp Culture Club iħassar it-tour

Il-grupp popolari tas-snin tmenin, Culture Club, ħassar it-tour li kellu jagħmel fl-Istati Uniti u r-Renju Unit. Dan wara li l-kantant, Boy George, spiċċa jbati bi problemi fi griżmejh u jista’ jkollu jagħmel operazzjoni.

Il-grupp Culture Club, li reġa’ ngħaqad mill-ġdid, kien mistenni li jibda l-ewwel tour ta’ kunċerti wara tnax il-sena, iżda l-kundizzjoni ta’ Boy George tidher li ħassret kollox, għalissa.

Il-kantant ta’ ‘Karma Chameleon’, ‘The War Song’, u ‘Church of the Poison Mind’ hu ddispjaċut ferm li l-pjani tal-grupp kellhom jieqfu ħesrem, u żvela li l-ispeċjalisti infurmawh li ma kienx possibbli, għalissa, li jitla’ fuq il-palk u jkanta l-hits favoriti ta’ Culture Club.

Il-grupp kellu jagħti għaxar kunċerti fl-Istati Uniti qabel jibda l-UK Arena Tour fi Glasgow ( fl-Iskozja) fil-bidu ta’ Diċembru. Intant, kelliema għal Culture Club jittamaw li l-kunċerti jistgħu jsiru s-sena d-dieħla u ‘ladarba l-problema ta’ Boy George tkun solvuta’.