L-Oppożizzjoni qed titlob li l-Ministru Helena Dalli terfa’ responsabbiltà politika wara l-ammissjoni tar-raġel tagħha stess li fil-propjeta’ tiegħu għadu għaddej xogħol minkejja li dan mhux sanzjonat mill-MEPA. Qal dan il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Ryan Callus waqt konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-propjeta’ fiż-Żejtun.
Akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni Charlò Bonnici, Callus sostna li Dalli hi responsabbli mill-opportunitajiet indaqs, iżda dan il-każ juri li hi u r-raġel tagħha għandhom opportunitajiet akbar minn ħaddieħor. Qal ukoll li r-raġel ta’ Helena Dalli ma jistax jitwemmen meta jgħid li ma kienx jaf li fil-propjeta’ tiegħu stess hemm il-ħaddiema jaħdmu.
Min-naħa tiegħu, Charlò Bonnici fakkar li din il-propjetà tinsab fuq konvenju u allura għadha propjetà tar-raġel ta’ Helena Dalli. Fakkar li din ir-residenza tinsab fuq żona ODZ u għalhekk staqsa fejn sejjer dan il-Gvern b’rabta mal-Ambjent. Qal li dan hu l-istess gvern li qabel l-elezzjoni wiegħed l-infurzar fuq żviluppi illegali. Għaldaqstant, Bonnici staqsa jekk dan jgħoddx għal kulħadd.
L-Oppożizzjoni sfidat ukoll lill-Ministru Helena Dalli u lir-raġel tagħha biex jippubblikaw il-konvenju.
Sadanittant, waqt il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm fil-post Jason Desira, il-persuna li se jkun qed jixtri din il-propjetà. Mistoqsi mill-ġurnalisti, anke hu kkonferma li d-dar għadha mhix tiegħu u li l-kuntratt mistenni jiġi ffirmat madwar sitt xhur. Minkejja dan, instema’ jgħid ripetutament li l-propjetà mhix tal-Ministru Helena Dalli u għalhekk qed jintefa’ dell ikrah fuqha għalxejn.
Jason Desira, li fi tmiem il-konferenza tal-aħbarijiet deher ukoll jitkellem fit-tul mal-ġurnalista tal-media Laburista, qal ukoll li x-xogħol m’għadux għaddej għax mhemmx ħaddiema fil-post, minkejja li lbieraħ stess dawn kienu qed jaħdmu fil-propjetà u li sal-lum stess għad hemm l-inġenji fil-post.
//= $special ?>