Lokali

Il-Ministru Helena Dalli tiddefendi li żewġha

Minkejja l-Avviż ta’ Infurzar mill-MEPA, għadu għaddej ix-xogħol li qed isir ġewwa l-farmhouse tar-raġel tal-Ministru Helena Dalli. Dan rawh b’għajnejhom il-ġurnalisti tagħna meta lbieraħ għall-ħabta tas-1:20pm marru fil-post fejn hemm din il-propjeta’ ta’ Patrick Dalli fiż-Żejtun, u saħansitra raw ħaddiema fuq il-lant tax-xogħol.

L-iżvilupp li qed isir fil-farmhouse a’ Patrick Dalli mhux skont il-permess maħruġ oriġinarjament. Dan għaliex hemm lista sħiħa ta’ tibdil mill-permess oriġinali.

Rajna ħaddiema jagħmlu xogħol fil-farmhouse

Għalhekk saqsejna lill-Ministru Helena Dalli ta’ min hi din il-farmhouse, jekk hix ġejja mill-komunjoni tal-akkwisti jew jekk hix ta’ kumpanija tal-familja Dalli. Lill-Ministru saqsejniha jekk hux veru li dan l-iżvilupp sar f’żona immarkata ODZ, u jekk hi kinitx taf li għadu għaddej ix-xogħol f’dan is-sit minkejja l-ordni tal-MEPA li turi biċ-ċar li l-bini qed isir b’mod irregolari.

It-tweġiba kienet waħda xotta u ta’ ftit kliem…fejn qaltilna li l-post imsemmi qiegħed fuq konvenju, u li jekk qed isir xi xogħol, “dan qed isir mix-xerrej il-ġdid u s-Sur Dalli ma ġiex mgħarraf b’dan”.
Minkejja dan, diversi periti qalulna illi bħala regola ġenerali, xogħol maġġuri ta’ kostruzzjoni waqt konvenju ma jsirx…u f’99 fil-mija tal-każi, lanqas biss tingħata ċavetta lix-xerrej.