Tħabbret il-mewt ta’ Lino Spiteri, eks Ministru Laburista kif ukoll ġurnalista u kittieb.
Lino Spiteri twieled Ħal Qormi fil-21 ta’ Settembru 1938. Studja fil-Liċeo u ggradwa fl-Ekonomija mill-Universita’ ta’ Oxford.
Spiteri kien involut fil-ħajja politika sa minn żogħżitu u kien elett fil-Parlament għall-ewwel darba f’isem il-Partit Laburista fl-elezzjoni ġenerali tal-1962 meta kien għad kellu biss 23 sena u kien konfermat fl-elezzjoni tal-1966. Wara waqfa ghall-istudji u wara żmien li kien serva wkoll bħala Deputat Gvernatur tal-Bank Centrali, fl-1981 kien elett fil-Parlament u serva bħala Ministru tal-Finanzi u tal-Kummerċ f’żewġ gvernijiet laburisti u baqa’ jkun elett f’kull elezzjoni sal-1998 meta irtira mix-xena politika.
Fl-1992, Lino Spiteri ikkontesta l-elezzjoni għat-tmexxija tal-Partit Laburista wara ir-riżenja ta’ Karmenu Mifsud Bonnici. Elezzjoni li kienet intrebħet minn Alfred Sant u li snin wara feġġew allegazzjonijiet dwar il-proċess elettorali li setgħu ċaħħdu lil Spiteri mit-tmexxija tal-partit.
Wara li kien irriżenja mill-Gvern ta’ Alfred Sant, f’intervisti u kitbiet fil-ġurnali, Lino Spiteri kien stqarr li ma kienx jaqbel mal-politika tal-Partit Laburista li jneħħi l-VAT iżda xorta waħda ikkontesta l-elezzjoni ġenerali tal-1996. Lanqas ma kien qabel mad-deċiżjoni ta’ Sant li jsejjaħ elezzjoni bikrija f’Settembru tal-1998.
Lino Spiteri kiteb diversi novelli tul il-karriera tiegħu u fl-2005 ingħata l-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għan-novelli tiegħu. Lino Spiteri kien ukoll kontributur regolari f’numru ta’ gazzetti.
Fl-2008 hu ngħata Gieħ ir-Repubbliku u nħatar Kumpann tal-Ordni tal-mertu.
Lino Spiteri kien mizzewweg lil Vivienne u ghandhom erbat itfal.
Il-PN isellem il-memorja ta’ Lino Spiteri
Fi stqarrija, il-PN sellem il-memorja tal-eks Ministru Lino Spiteri u rringrazzjah tal-kontribut tiegħu fl-isfera politika Maltija.
Lino Spiteri żgur li jibqa’ mfakkar għal snin twa iservi fil-Parlament Malti jirrappreżenta lill-poplu Malti u Għawdxi.
L-eks Ministru baqa’ jagħti l-kontribut lis-soċjeta’ Maltija b’kitba fuq temi varji, mhux biss fil-politika. Il-PN iwassal il-kondoljanzi lill-familja Spiteri f’dan il-mument diffiċli.
//= $special ?>