Lokali

Iridu jkomplu jirbħu

Illum fis-6pm f’Wembley l-Ingilterra jilqgħu lis-Slovenja fejn se jkunu qed jippruvaw jirbħu r-raba’ partiti konsekuttiva. It-tim ta’ Roy Hodgson beda l-impenji tiegħu b’rebħa ta’ 2-0 kontra l-Iżvizzera f’logħba li fuq il-karta kienet tidher l-akbar ostaklu u wara għelbu wkoll lil San Marino u lill-Estonja.

Il-winger ta’ Liverpool, Raheem Sterling, li tilef il-logħba kontra l-Estonja minħabba li qal li kien għajjien, se jirritorna fl-iskwadra filwaqt li Hodgson se jkollu jgħaddi mingħajr il-midfielder Michael Carrick li irtira minn mal-iskwadra wara li weġġa’ waqt sessjoni ta’ taħriġ. Mit-tim irtira wkoll Andros Townsend minħabba injury.

Jista’ jagħti l-każ li jiddebutta l-attakkant ta’ West Bromwich Albion Saido Berahino. Berahino kellu bidu mill-aqwa dan l-istaġun u hu fil-fatt l-aqwa skorer Ingliż fil-Premiership. L-attenzjoni f’Wembley bla dubju se tkun fuq l-attakkant u captain Wayne Rooney li hu mistenni jilbes il-flokk nazzjonali għall-100 darba fil-karriera tiegħu. L-attakkant ta’ Man Utd qed jimmira wkoll li jilħaq lill-eks plejer leġġendarju Bobby Charlton f’dawk li huma numru ta’ gowls skurjati mal-Ingilterra. Rooney s’issa skurja 43 gowl, sitta inqas minn Charlton.

B’rebħa fuq is-Slovenja, l-Ingliżi jiftħu vantaġġ komdu ta’ sitt punti fuq l-avversarji tagħhom u jekk l-Iżvizzera tirbaħ kontra l-Litwanja, l-Ingliżi jagħmlu pass importanti lejn il-kwalifikazzjoni. Madankollu għall-Ingliżi mhux se tkun faċli, speċjalment meta wieħed jiftakar li s-Slovenja se jkunu ġejjin minn żewġ rebħiet konsekuttivi. Aħbar tajba għas-Sloveni se tkun ir-ritorn ta’ Sinia Andjelkovic li kien ilu barra mill-azzjoni sena u nofs minħabba injury serja u anke ta’ Miral Samardzic. Ħarsa lejn l-istatistika turi li dawn iż-żewġ timijiet lagħbu kontra xulxin biss darba, u dan kien fil-fażi tal-gruppi tat-Tazza tad-Dinja tal-2010. Dakinhar, l-Ingilterra, taħt it-tmexxija ta’ Fabio Capello kienu rebħu 1-0.

Wara l-logħba kontra s-Slovenja, l-Ingilterra jmisshom jilagħbu logħba ta’ ħbiberija kontra l-Iskozja.
It-tielet logħba minn dan il-grupp se tkun dik bejn San Marino u l-Estonja. Bla dubju l-Estonja jibdew favoriti li jieħdu l-punti massimi kontra tim li fi tliet logħbiet diġa’ sofra 11-il gowl.