Ekonomija

Is-swieq finanzjarji Amerikani fl-aqwa tagħhom u dawk Ewropej kajmana

Is-swieq Amerikani qed iżommu l-livelli rekord li laħqu fl-aħħar ġimgħat. Għall-kuntrarju, dawk Ewropej għadhom ‘il bogħod minfejn kienu jinsabu ftit xhur ilu. Il-volatilità fis-swieq Ewropej mhux tħalli wisq nifs fejn wieħed jimmanuvra. Fl-Ewropa, qed naraw żidiet f’ġurnata partikolari segwiti minn telf fil-ġurnata ta’ wara. Dan qed iseħħ fis-swieq tal-ishma u mhux f’tal-bonds. Il-prezzijiet b’mod ġenerali, fejn jidħlu bonds, baqgħu għoljin.

Il-frank Svizzeru kompla jissaħħaħ mal-ewro u jinsab fl-aħjar pożizzjoni tiegħu fl-aħħar sentejn.

Id-dollaru Amerikan jinsab fl-aqwa tiegħu meta mqabbel ma’ bosta muniti madwar id-dinja. Ilna għal dawn l-aħħar seba’ xhur naraw id-dollaru jissaħħaħ. Il-mutur ekonomiku prinċipali madwar id-dinja matul din is-sena kien dak Amerikan. Il-qgħad fl-Amerika jinsab fl-anqas livell li qatt kien fl-aħħar sitt snin.

Filwaqt li bosta ekonomisti qed jgħidu li l-Ewropa mhux qed tilħaq riżultati tajbin daqs kemm mistenni, jidher li dan is-sintomu ma jinsabx fl-Ewropa biss. Bosta qed jgħidu li l-Brażil, ir-Russja, l-Indja u ċ-Ċina wkoll mhux jagħtu ir-riżultati mixtieqa. Iċ-Ċina ma kellhiex saħħa kbir fl-ekonomija tagħha fl-aħħar xhur u niżlet għal-livelli li kienet fl-2009.

Kumpaniji bħal Airbus u Adidas raw żieda tajba fil-prezz tal-ishma fl-aħħar jiem. Fl-aħħar xahar rajna żieda ta’ 20% fil-valur tal-ishma ta’ Deutsche Telekom u żieda ta’ 23% f’dawk ta’ Vodafone. Dan wara li l-prezz kien ħa tisbita fil-bidu ta’ Ottubru. L-ishma ta’ Facebook żdiedu bi kważi 40% fil-valur tagħhom mill-bidu tas-sena s’issa. Dawk tal-Yahoo żdiedu b’35% fl-aħħar xahar. Dan wassal biex għin lis-swieq Amerikani biex jissaħħu. L-aktar indiċi finanzjarju Ewropew li mar tajjeb s’issa din is-sena kien dak tad-Danimarka segwit minn dak Żvizzeru, Belġjan u Żvediż.