L-attriċi Jennifer Aniston qed tipprova ‘taqta’linja fissa’fil-kwistjoni taż-żwieġ fallut mal-attur Brad Pitt, u qalet li ‘importanti li persuna titgħallem taħfer biex ma tbatix mill-velenu tal-passat’.
Aniston u Pitt, snin ilu, kienu magħrufa bħala l-‘Golden Couple’ ta’ Hollywood u l-falliment taż-żwieġ tagħhom kien spiċċa fuq fomm kulħadd — partikolarment meta Pitt beda relazzjoni mal-attriċi, Angelina Jolie, illum martu.
Ir-riperkussjonijiet tad-drama ilhom is-snin u bl-għajdut ma jmutu qatt mindu Aniston u Pitt infirdu fl-2005. Iż-żwieġ partikolari kien sfaxxa malli Pitt iltaqa’ ma’ Jolie waqt il-ġbid tal-film ‘Mr and Mrs Smith’ u meta ż-żewġ atturi kienu qed jinterpretaw il-partijiet prinċipali.
Fil-fatt, Pitt u Jolie, it-tnejn ammettew li din l-istorja ta’ mħabba ‘nibtet u kibret’ waqt li huma kienu fuq is-sett tal-film inkwistjoni.
Madankollu Jennifer Aniston — li kisbet fama bis-sensiela televiżiva ‘Friends’ — insistiet ma’ Harper’s Bazaar li m’għadhiex tħossha rrabjata għall-eks-raġel tagħha u għal Angelina Jolie. Hi, fl-istess ħin, sostniet li ‘m’hemm xejn agħar milli persuna tibqa’ żżomm il-mibgħeda f’qalbha’.
Brad Pitt u Angelina Jolie iżżewwġu fi Franza, f’Awwissu li għadda u llum qed irabbu familja ta’ sitt itfal.
//= $special ?>