Fi Grupp Ġ se jispikka l-konfront dirett bejn l-Awstrija u r-Russja. Bħalissa l-Awstrija qegħdin fl-ewwel post tal-grupp b’vantaġġ ta’ żewġ punti fuq ir-Russja. Dawn tal-aħħar se jkunu ġejjin minn rebħa minima ta’ 1-0 kontra l-Montenegro filwaqt li r-Russi iddiżappuntaw u ġew miżmuma draw 1-1 f’darhom kontra l-Moldova. Bħalissa fit-tim Russu hemm kemmxejn ta’ pressjoni għaliex matul il-ġimgħa ħarġet l-aħbar li l-FA Russa m’għandiex biex tħallas is-salarju tal-kowċ Fabio Capello. Dan bla dubju jaf ikollu effett negattiv fuq it-tim li qed jimmira biex jikkwalifika għall-Euro 2016 biex b’hekk iħejji bl-aqwa mod għat-Tazza tad-Dinja li se ssir sentejn wara fir-Russja stess.
L-Awstrija se jkollhom jgħaddu mingħajr id-difensur ta’ Bayern Munich David Alaba li hu imweġġa’. Minkejja dan, il-kowċ Marcel Koller qal li hu fiduċjuż li n-nuqqas ta’ Alaba se jfisser li l-plejers l-oħra se jżidu fl-isforzi tagħhom biex jieħdu t-tliet punti. Bla dubju l-akbar problema fit-tim Awstrijakk hu d-dipartiment tal-attakk. Din is-sena kienu biss darbtejn l-okkażjonijiet li fihom l-Awstrija skurjat aktar minn darbtejn f’logħba. L-Awstrija qegħdin f’pożizzjoni ideali biex għat-tieni darba fl-istorja tagħhom, jikkwalifikaw għall-Kampjonati Ewropej.
Intant, l-Iżvezja jittamaw fi draw bejn l-Awstrija u r-Russja u fl-istess ħin li jiksbu rebħa barra minn darhom kontra l-Montenegro, tim li għandu punt inqas minnhom. Fl-aħħar ħarġa tagħhom l-Iżvedizi rebħu 2-0 kontra Liechtenstein. Aħbar tajba għall-Iżvezja hi li l-captain tagħhom, Zlatan Ibrahimovic irritorna għal logħob ġimgħa ilu wara li kien ilu barra sa mill-21 ta’ Settembru minħabba injury fl-għarqub. Jekk l-attakkant ta’ PSG ma jilgħabx illejla jkun aktar probabbli li jilgħab ġimgħa oħra f’logħba ta’ ħbiberija kontra Franza.
F’logħba oħra mill-istess grupp l-Moldova tilgħab kontra Liechtenstein u attwalment dawn it-tnejn għanhom punt kull wieħed.
//= $special ?>

