Kors interattiv ta’ jumejn organizzat mill-Multiplex, li joffri taħriġ dwar il-ħiliet maniġerjali bl-għan li jwassal biex il-ħaddiema ikunu iktar kuntenti u kollaborattivi.
Multiplex, kumpanija magħrufa fis-settur tal-iżvilupp organizzattiv, għadha kemm ħabbret kors ta’ ‘Coaching Skills for Managers’ (Ħiliet ta’ Taħriġ għall-Maniġers), mifrux fuq jumejn, immirat għal dawk il-maniġers li jmexxu grupp ta’ ħaddiema bħala parti mix-xogħol tagħhom ta’ kuljum. Il-kors se jkun iffukat fuq kif jistgħu jitrawmu u jissaħħu r-relazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol permezz ta’ approċċ ta’ coaching, bl-għan li jinkiseb impatt dirett fuq l-impenn, il-motivazzjoni u l-prestazzjoni.
Dan il-kors, li se jsir il-Ħamis 4 u l-Ġimgħa 5 ta’ Diċembru, qed jiġi organizzat mill-kumpanija Multiplex u huwa bbażat fuq il-firxa wiesgħa tal-ħiliet tat-tim tagħha.
Multiplex bdiet fl-Afrika t’Isfel u għandha iktar minn 18-il sena esperjenza f’soluzzjonijiet organizzattivi kif ukoll fil-coaching. Riċentement hija bdiet topera f’Malta wkoll. Il-kumpanija tiffoka ħafna fuq il-klijenti u toffri servizzi fl-iżvilupp fil-leadership, taħriġ intraprenditorjali u immaniġġjar tat-talent, fost affarijiet oħra.
F’dawn il-jumejn mimlijin b’attivitajiet prattiċi u interattivi, it-tim ta’ business coaches professjonali tal-Multiplex se jiffukaw fuq riżultati konkreti ta’ taħriġ. Dan jinkludi apprezzament tar-rwol u tal-effett finanzjarju li l-coaching għandu f’kumpanija, żvilupp ta’ ħiliet personali li huma l-qofol ta’ taħriġ effikaċi, u għarfien dwar kif il-metodoloġija użata fit-taħriġ twassal biex il-persuni involuti jisfruttaw il-potenzjal massimu tagħhom biex finalment dan ikollu impatt pożittiv fil-livelli kollha fil-kumpanija.
“Din it-tip ta’ metodoloġija tista’ tkun essenzjali biex jinħoloq ambjent tax-xogħol aħjar li jgħin lill-maniġers ta’ timijiet ta’ impjegati kemm kbar kif ukoll żgħar,” jispjega Justin Azzopardi, li huwa Partner f’Multiplex. “Il-kors jipprovdi introduzzjoni prattika għall-metodoloġija użata fil-coaching, u dawk li jattendu se jkollhom l-opportunità li tassew jifhmu l-kunċetti li jistgħu mbagħad ikomplu jiġu żviluppati fil-kumpanija tagħhom. Se juri wkoll kif il-ħaddiema, meta jkunu kuntenti, ikunu ispirati biex imorru lil hinn minn dak li huwa mistenni minnhom u jkollhom rwol affidabbli fil-kumpanija tagħhom.”
Matul is-snin, ir-riċerka li saret fuq dan is-suġġett uriet li 99 fil-mija tal-professjonisti fir-riżorsi umani jemmnu li dan it-taħriġ huwa ta’ benefiċċju għall-individwi kif ukoll għall-organizzazzjonijiet, filwaqt li 93 fil-mija fosthom saħansitra jemmnu li l-coaching huwa mekkaniżmu li jgħin il-kumpaniji u l-impjiegati.
“Bħala kumpanija fl-iżvilupp organizzazzjonali, nemmnu li l-investiment fil-ħaddiema huwa wieħed mill-iktar modi sikuri u ta’ ġid biex kumpanija tkompli tikber u tirnexxi.
“Dan il-kors jipprovdi opportunità eċċellenti għall-kumpaniji biex jinvestu dak li fadlilhom mill-baġit għat-taħriġ għall-2014 fi programm li jagħti riżultati tanġibbli u fit-tul għall-2015,” itemm jgħid Justin.
Għal aktar informazzjoni dwar il-kors Coaching Skills for Managers, tista’ tidħol fis-sit www.multiplexcoach.com jew tfittex ‘Multiplex’ fuq Facebook.
//= $special ?>