L-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Caritas Trail, li se ssir nhar il-Ħadd li ġej, 16 ta’ Novembru, fl-10am, jidher li se jkollha attendenza numeruża, li tikkumplimenta dik tas-sena l-oħra. Din l-indikazzjoni toħroġ mir-rispons li qed ikollha l-Caritas u mill-bookings online li qegħdin jiżdiedu ma’ kull ġurnata li tgħaddi.
Numru ta’ personalitajiet, fosthom Membri Parlamentari miż-żewġ partiti ewlenin, diġà kkonfermaw l-attendenza tagħhom permezz tas-sistema online ooii.com.mt.
F’laqgħa li saret ma’ diversi persuni li qed jieħdu ħsieb il-loġistika tal-Caritas Trail, ħarġu diversi punti ta’ interess fosthom li għall-ewwel darba dawk li se jipparteċċipaw, kemm fil-mixja, fil-ġirja kif ukoll bir-rota, se jitilqu minn lokazzjoni waħda li hija Gianpula. Il-parking għal min se jipparteċipa mhux se jkun ta’ problema għax se jkun provdut fl-għelieqi ta’ Gianpula, grazzi għas-sapport tad-diretturi ta’ Gianpula.
Il-pubbliku huwa mħeġġeġ jasal ftit qabel l-għaxra ta’ filgħodu, idealment mid-direzzjoni ta’ Ħaż-Żebbuġ minn ħdejn l-iskola tad-Dorotej u mal-għaxra ta’ filgħodu t-trail titlaq. Kull rotta se tispiċċa fiċ-ċentru ta’ riabilitazzjoni ta’ San Blas li normalment ma jkunx miftuħ għall-pubbliku u għalhekk din se tkun opportunità li wieħed jidħol f’dan iċ-ċentru. Din is-sena ġie maħsub li jkun hemm l-ikel peress li jkun viċin nofsinhar, bil-qligħ kollu jmur ukoll għall-Caritas. Lejn tmiem l-attività jsir diskors qasir mid-Direttur il-ġdid ta’ Caritas Malta Leonid McKay u tiġi ppreżentata wkoll donazzjoni tal-Bank of Valletta, li huma sponsors ewlenin tal-Caritas Trail. Dawk li se jipparteċipaw jingħataw t-shirt kommemorattiv.
Il-Caritas tħeġġeġ lill-pubbliku jieħu sehem f’din il-festa għall-familja kollha u b’donazzjoni ta’ għaxar ewro jkun qed jagħti sapport lil din l-entità biex tkompli toffri s-servizzi tagħha bla ħlas lis-soċjetà Maltija. Tħeġġeġ wkoll li wieħed isegwi l-istruzzjonijiet u d-direzzjoni għal Gianpula.
Caritas Malta tirringrazzja lill-pubbliku inġenerali u lil dawk li taw sapport finanzjarju għall-Caritas Trail, fosthom lill-Bank of Valletta, Tumas Group u MaltaPost.
//= $special ?>