Lokali

L-anzjani u dawk vulnerabbli jistennew budget li jiggarantilhom ħajja aħjar

Ritratt mill-arkivji

L-anzjani u dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà qed jistennew li l-budget li se jippreżenta l-Ministru Edward Scicluna nhar it-Tnejn jindirizza d-diffikultajiet li qed jiffaċjaw fil-ħajja ta’ kuljum, u jkun jinkludi miżuri u inċentivi li jwasslu biex il-kwalità tal-ħajja tagħmel passi kbar ‘il quddiem.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Kelliem għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Clyde Puli u l-Kelliem għall-Anzjani Mario Galea sostnew li skont il-previżjonijiet ekonomiċi li qed jagħmel il-Prim Ministru Joseph Muscat, l-anzjani u dawk vulnerabbli jiġu ndirizzati b’mod sostenibbli.

Clyde Puli sostna li l-Gvern għandu jagħmel tajjeb għad-differenza li hemm fiż-żieda għall-għoli tal-ħajja ta’ din is-sena. Meta wiehed iqabbel mal-medja taż-żieda tal-għoli tal-ħajja fil-leġiżlatura li għaddiet, il-Gvern għandu minn tal-anqas jagħti €200 fis-sena lill-anzjani biex jagħmlu tajjeb għat-tnaqqis kbir fiż-żieda tal-għoli tal-ħajja.

Hu fakkar li l-Partit Laburista wiegħed li jeqred darba għal dejjem il-faqar. Madanakollu, b’żieda miżera tal-għoli tal-ħajja, il-faqar f’pajjiżna jiżdied jista’ mhux jonqos, sostna Clyde Puli. Hawnhekk, Clyde Puli għamel referenza għaż-żidiet fil-prezzijiet tal-kera tas-Social Housing, li saħansitra kien hemm min il-kera żdidietlu b’seba’ darbiet.

Ħafna drabi, dawk vulnerabbli jagħmlu użu mis-servizz tat-trasport pubbliku, u għalhekk, sostna Mario Galea, l-Gvern għandu jassigura li n-nollijiet jew jibqgħu l-istess, jew saħansitra jonqsu minħabba ż-żieda kbira fis-sussidju. Il-Kelliem għall-Anzjani sostna li l-anzjani qed jistennew li l-budget jitratta’ bis-serjeta l-anzjanità attiva kif ukoll l-isfida dejjem tikber tad-dimensja.

L-anzjani qed jistennew li Joseph Muscat iżomm mal-wegħda tiegħu li jwassal il-mediċini d-djar, sostna Mario Galea, li esprima t-tħassib tiegħu għall-fatt li l-mediċini mhux talli mhux jitwasslu d-djar, iżda talli ħafna anzjani mhux qed ilaħħqu maż-żidiet fil-prezzijiet ta’ ċertu mediċini essenzjali.

Minn naħa tagħha, l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Graziella Schembri fakkret li l-Prim Ministru Muscat issa ilhu għal dawn l-aħħar xhur jitkellem b’mod pożittiv dwar l-ekonomija. Hi sostniet li Muscat kien kapaċi joħloq budget tajjeb ħafna għal dawk viċin tiegħu bħall-Kelliem tiegħu Carmelo Abela li qed jitħallas €58,000 fis-sena, l-ekonomista Silvio Schembri li qed jitħallas €65,000 u l-mara tal-Ministru Konrad Mizzi, li qed titħallas €13,000 fix-xahar. Hi għamlet l-appell biex bħalma qed igawdu u jgħixu ħajja komda dawn il-persuni, Muscat jassigura li kull anzjan u anzjana kif ukoll dawk vulnerabbli jingħataw dak li jixirqilhom.

Hi temmet tgħid li fil-budget ta’ nhar it-Tnejn li ġej, għandu jassigura li r-roħs fil-kontijiet li suppost igawdu minnu l-anzjani u dawk vulnerabbli, ma jitteħdilhomx u fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw b’anqas flus fil-but. Muscat wiegħed kwalità ta’ ħajja aħjar għal kulħadd, fosthom l-anzjani. L-anqas ħaġa li jista’ jagħmel nhar it-Tnejn hi li jżomm mal-wegħda tiegħu, temmet tgħid Graziella Schembri.