Kunsilli Lokali Lokali

Pjazza li sar ħidma fuqha mill-Kunsill ta’ Ħal Kirkop ma tistax tinfetaħ għax il-Gvern għadu ma tax it-tarmak lit-triq tal-madwar

Bejn Ottubru 2012 u Mejju 2014, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Kirkop kien għaddej b’ħidma bla heda biex jiffinalizza l-proġett ta’ pjazza f’Misraħ Żernieq. Dan il-proġett, b’investiment ta’ €800,000 f’fondi tal-Unjoni Ewropea, ikopri embellishment tal-pjazza u xogħolijiet strutturali oħrajn, bħal bażi tal-konkos, bini ta’ ġibjun u tisbiħ tal-pjazza.

Madankollu, din il-pjazza ma tistax tintuża’ u għadha magħluqa minħabba li tmien xhur wara li tlesta x-xogħol mill-Kunsill Lokali, it-triq li ddawarha għadha fi stat diżastruż. Ix-xogħol f’din it-triq mhuwiex kopert mill-fondi tal-UE u hi responsabbiltà tal-Gvern Ċentrali li jagħti t-tarmak lil toroq ġodda, bħal f’dan il-każ.

Fil-fatt, fl-2012, Transport Malta kienet diġà kkommettiet ruħha li tiksi dawn it-toroq bit-tarmak sa minn dik is-sena. Dan reġa’ kien ikkonfermat minn TM mal-bidla fil-Gvern.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Kunsillier f’isem il-Partit Nazzjonalista Stephen Mizzi, fil-preżenza tal-Kelliem tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina, appella lill-Ministru Joe Mizzi biex dan ix-xogħol isir ħalli l-pjazza titgawda mill-Koppin.

Min-naħa tiegħu, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Toni Bezzina qal li f’Awwissu 2014, il-Kunsill Lokali kiteb ittra lill-Ministru Mizzi biex jingħata rendikont tal-inkonvenjent li hemm għar-residenti. Madankollu, il-Ministru Joe Mizzi ma rrispondiex u għalhekk intbagħtet ittra oħra fit-13 ta’ Ottubru 2014.

Kien hawn li Joe Mizzi qal li din it-triq tinsab fuq il-lista ta’ prijoritajiet ta’ TM, għalkemm sfortunatament il-Kunsill Lokali baqa’ mingħajr indikazzjoni ta’ meta se ssir. Kien biss lejliet din il-konferenza tal-aħbarijiet, li l-Ministru Joe Mizzi ħabbar li t-triq se ssir fl-2015. Madankollu, ma qalx meta.