Il-Gvern Laburista jestendi proġett bi spiża ta’ €30 miljun biex jaġevola lill-istazzjon tat-televiżjoni tal-Partit Laburista
Il-proġett li qed jipproponi l-Gvern Laburista quddiem il-bini tal-media Laburista fil-Marsa, u li dan il-Gvern estendih minn dak ippjanat mill-Gvern preċedenti bi spiża ta’ €30 miljun, se jkun jaġevola lill-istazzjon tat-televiżjoni tal-Partit Laburista.
Id-Deputat Nazzjonalista Toni Bezzina, Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport u l-Infrastruttura, qal fil-Parlament li filwaqt li l-Oppożizzjoni mhix kontra l-proposta ta’ traffic junction fiz-zona tas-Super One fil-Marsa, meta wieħed jifli l-proposta fid-dettall isib li fir-realtà, li l-proposta mhix daqshekk innoċenti daqskemm tidher.
Irrimarka wkoll li mal-pjanti li l-Ministru Mizzi ppubblika fl-istqarrija għall-istampa b’rabta ma’ dan il-proġett, kien hemm pjanta partikolari li kienet nieqsa b’rabta mal-parti tat-triq ta’ quddiem is-Super One.
Toni Bezzina qal li b’din il-proposta, il-Gvern Laburista ser jaġevola lill-Partit Laburista billi ser jirriloka l-fabbriki ta’ quddiem is-Super One mhux biex iżid in-numru ta’ karriġġati biex jinħoloq aktar spazju minn fejn jgħaddu l-karozzi u b’hekk inaqqas il-pjaga tat-traffiku fiz-zona, iżda biex quddiem is-Super One joħloq parkeġġ ta’ madwar 250 karozza flimkien ma’ masġar li ser joħloq buffer zone bejn it-toroq proposti u dan il-parkeġġ.
Irrimarka wkoll li l-Ministru Mizzi responsabbli mit-traffiku, ħa pjaċir jiftaħar li kien kapaċi li f’zona ta’ madwar 90,000 metru kwadru, ftit inqas minn nofshom se jikkonsistu mhux f’toroq li jnaqqsu l-pjaga tat-traffiku iżda f’parkeġġ u masġar, u dan bi spiża ta’ €30 miljun biex jaġevola lill-istazjon tat-televiżjoni tal-partit tiegħu stess.
Semma wkoll li ftit passi bogħod minn fejn hu propost il-parkeġġ, hemm żewġ parkeġġi oħra: wieħed quddiem iċ-ċimiterju tal-Addolorata u l-ieħor ftit metri bogħod minnu, u li bejniethom jesgħu mijiet ta’ karozzi. Iżda l-Gvern Laburista, qal Toni Bezzina, xorta ħass li kellu jaġevola lill-Partit Laburista bi spejjeż żejda li jrid jagħmel tajjeb għalihom il-poplu bit-taxxi li jħallas.
Staqsa għaliex inħoloq dan il-parkeġġ meta diġà kien hemm żewġ parkeġġi oħra fl-istess zona fejn din it-traffic junction ġejja proposta u se jkunu rilokati żewġ fabbriki biex ukoll isir masġar imdaqqas quddiem il-proprjetà tal-Partit Laburista meta fir-realtà l-ammont ta’ lanes li jieħdu fihom il-karozzi li sejrin mill-Kottonera jew Raħal Ġdid lejn il-Belt, baqghu kif inhuma bħalissa.
Staqsa wkoll kemm ser jogħla l-valur tal-proprjetà tal-Partit Laburista b’dan il-proġett; jekk hux ser jeżenta lill-Parit Laburista milli jipprovdi parkeġġ fuq din l-istess proprjetà f’każ ta’ applikazzjoni ta’ żvilupp mal-MEPA; jekk il-flus żejda setgħux jiġu investiti fi proġetti biex jitnaqqsu l-problemi tat-traffiku f’pajjiżna; u jekk l-Unjoni Ewropea tinduna b’dan l-ingann, nibqgħux kredibbli u konsegwentament tibqax tiffinanzja proġetti ta’ dan it-tip.
Toni Bezzina qal li l-Oppożizzjoni se tibqa’ tiskrutinja dak kollu neċessarju biex jigu salvagwardjati l-interessi tal-poplu kollu.
Dwar l-Abbozz ta’ Liġi li qed iressaq il-Gvern dwar il-finanzjament u r-regolamentazzjoni tal-partiti politiċi, Toni Bezzina rrifera għall-proprjetà tal-Australia Hall f’Pembroke, li fis-suq tiswa madwar €10 miljun, u ġiet iddikjarata li tiswa €500,000.
Toni Bezzina staqsa min hu l-perit tal-Gvern li se jivverifika li l-valur ta’ €500,000 għall-Australia Hall hux reali jew le, u jekk jinstab li l-Parit Laburista żvaluta l-proprjetà apposta, hux se jeħel il-penali dovuti flimkien mad-differenza għall-ammont dovut, kif jeħel kull ċittadin normali li jinstab li jkun żvaluta l-proprjetà tiegħu.
//= $special ?>