Ungeriż ta’ 58 sena, li qed jistenna biex jgħaddi ġuri akkużat bil-qtil tas-sieħba tiegħu beda’ għaddej proċeduri legali biex jiġi estradit lura lejn pajjiżu. Laszla Nandor Marton tressaq quddiem il-Maġistrat Gabriella Vella wara talba li saret minn pajjiżu għall-mandat ta’ arrest Ewropew.
F’Malta Marton, li huwa minn Budapest, qed jiġi mixli bil-qtil ta’ dik li kienet is-sieħba tiegħu Yvette Gajda, sentejn ilu. Pajjiżu qed jitlob l-estradizzjoni tiegħu minħabba l-involviment tiegħu fi ġlieda kbira li kien involut fiha f’pajjiżu fl-2010.
Il-Qorti qalet ukoll li minkejja li saret it-talba ta’ estradizzjoni ta’ Marton, l-ewwel irid jgħaddi proċeduri pendenti li għandu fil-Qorti Maltija kontrih, u jekk jinstab ħati jrid ukoll iservi l-kastig.
Huwa qed iwieġeb mhux ħati li fis-27 ta’ Novembru 2012, f’appartament f’San Pawl il-Baħar, ta 40 daqqa ta’ mqass lis-sieħba tiegħu u qatilha.
Huwa kien spiċċa l-isptar wara li allegatament kien ipprova jagħmel suwiċidju dak inhar tal-inċident meta ta bis-sikkina fuqu nniffsu.
//= $special ?>
