Internazzjonali Lokali Qorti

Tliet xhur ħabs fuq falsifikazzjoni ta’ Karta tal-Identità għall-mexxej tal-Mafja arrestat f’Malta

Sebastiano Brunno, il-mexxej tal-Mafja fi Sqallija li nstab u ġie arrestat f’Malta fit-2 ta’ Ottubru li għadda, ġie kkundannat tliet xhur ħabs fuq falsifikazzjoni ta’ Karta tal-Identità u li għamel użu minnha. L-Isqalli, ta’ 56 sena, inqabad f’Buġibba wara li kien ilu mfittex mill-Pulizija Taljana. F’pajjiżu, hu kien diġà kkundanat għal għomru l-ħabs fuq reati relatati mal-Mafja u qtil, iżda rnexxielu jaħrab minn pajjiżu.

Wara li nqabad f’Malta, hu tressaq il-Qorti u ġie mixli li ffalsifika Karta tal-Identità. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Doreen Clarke qalet li meta l-Pulizija arrestawh instabet fuqu Karta tal-Identità Taljana li kellha ritratt tiegħu iżda dettalji ta’ ħaddieħor. Fl-istqarrija tiegħu, hu kien qal li għalkemm talabha hu, ma jafx min għamel il-Karta tal-Identità, filwaqt li kien hu li ffirma l-isem Natale La Modica fuqha.

Il-Qorti qalet li għalkemm jirriżulta li ma kienx Brunno nnifsu li ffalsifika l-Karta tal-Identità, kien hu li ta l-ordni biex tingħatalu u għalhekk għandu jitqies bħala kompliċi ma’ min wettaq il-falsifikazzjoni. Wara li qieset iċ-ċirkostanzi kollha tal-każ, il-Qorti kkundannat lil Brunno għal tliet xhur ħabs. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mario Cuschieri.