Ekonomija Internazzjonali

Tnaqqis ieħor drastiku fil-prezz taż-żejt

Il-prezz taż-żejt reġa’ naqas drastikament, meta mhux mistenni li l-pajjiżi-membri tal-OPEC se jnaqqsu l-produzzjoni bl-iskop li jistabbilizzaw is-sitwazzjoni attwali fis-settur.

Dan hu l-ħames xahar konsekuttiv li l-prezzijiet irreġistraw tnaqqis, b’din ix-xejra qed tnaqqas l-introjtu u l-qligħ għall-kumpanniji taż-żejt.

Fl-istess ħin, ix-xejra kapaċi tixpruna l-ekonomija ta’ pajjiżi bħall-Istati Uniti, minħabba li l-linji tal-ajru, il-kumpanniji tal-vapuri u l-konsumaturi qed iħallsu ħafna anqas għall-fuel.

Jonathan Hoenig, ta’ CapitalistPig.com, ibassar li x-xejra attwali għandha tkompli, bil-prezz taż-żejt kapaċi jonqos għal $50 il-barmil. Dan hu dovut, f’parti, għat-tnaqqis fl-ekonomija globali li qed jirriżulta fi provvista ogħla.

Intant, l-aħħar statistika uriet li l-prezz taż-żejt reġa’ niżel b’4 fil-mija u fejn, issa, qed jinbiegħ għal $74.21 il-barmil. Dan ifisser li l-prezz taż-żejt niżel b’31 fil-mija minn Ġunju ‘il hawn u fejn hu l-irħas minn Settembru tal-2010.