Żagħżugħa Marokkina, li kienet sfurzata tiżżewweġ lir-raġel li stupraha, weġġgħet gravi wara li dan ir-raġel attakkaha b’xafra.
Skont ir-rapporti, it-tfajla – magħrufa bħala Khaoula – kienet attakkata wara li ppruvat tiddivorzja lil żewġha u tħalliet sfigurata b’50 daqqa ta’ xafra f’wiċċha u f’idejha.
Siti tal-aħbarijiet Marokkini qalu li matul l-attakk, ir-raġel tat-tfajla qalilha li “ħadd ma kien se jiżżewwiġha warajh”.
Khaoula bħalissa qed tirkupra fi sptar, b’diversi organizzazzjonijiet qed jgħinuha biex issir il-ġustizzja magħha. Sa ftit taż-żmien ilu, il-liġi Marokkina ppermettiet lill-irġiel biex jaħarbu mill-ġustizzja dwar stupru jekk ikunu qablu li jiżżewwġu l-vittma tagħhom.
Imħallef jista’ jirrakkomanda ż-żwieġ, aktar milli l-ħabs, f’każ ta’ qbil min-naħa tal-vittma kif ukoll miż-żewġ familji – li ssoltu jagħtu l-kunsens minħabba l-biża’ li jitilfu l-unur fil-familja.
Il-liġi kienet appellata f’Jannar ta’ din is-sena, wara mewġa kbira ta’ protesti li segwew il-mewt ta’ Amina Filali ta’ 16-il sena li belgħet il-velenu u qatlet lilha nnifisha wara li kienet sfurzata tiżżewweġ lil min attakkaha.
Missier Amina qal, dak iż-żmien, li l-familja kienet taħt pressjoni biex bintu tiżżewweġ, bl-imħallef jgħidilha biex “tmur u tagħmel il-kuntratt taż-żwieġ”.
Minkejja li l-liġi ġiet appellata, il-vjolenza kontra n-nisa tibqa’ komuni fil-Marokk.
//= $special ?>