Il-budget ta’ nhar it-Tnejn li ġej għandu jindirizza b’mod konkret il-ħaddiema, dawk li ma jaħdmux kif ukoll in-negozji li għandhom rwol ċentrali fit-tkabbir tal-ekonomija Maltija. Skont il-kejl tal-Prim Ministru Joseph Muscat li l-ekonomija sejra tajjeb, il-Gvern għandu jassigura li l-ħaddiema u l-familji tagħhom jibqagħlhom aktar flus fil-but fl-aħħar tax-xahar u l-kwalità tal-ħajja tagħhom titjieb.
Dan qaluh il-Kelliema għat-Tkabbir Ekonomiku u l-Kompetittività Kristy Debono u l-Kelliem għall-Impjiegi u l-Persuni b’Diżabilità Stephen Spiteri f’konferenza tal-aħbarijiet. Kristy Debono spjegat kif il-ħaddiema qed jistennew tnaqqis fit-taxxi li jistgħu jwasslu għal aktar flus fil-but. Hi għamlet referenza għaż-żieda tal-għoli tal-ħajja li sostniet, li żgur mhix biżżejjed biex titjieb il-kwalità tal-ħaddiema u l-pensjonanti Maltin u Għawdxin.
Kristy Debono għamlet referenza għall-prezz tal-petrol u d-diesel li l-Gvern qed iżommu bi prezz għoli meta l-prezz internazzjonali taż-żejt qed jorħos b’mod drastiku. Kif anke ġie kkonfermat minn statistika tal-Unjoni Ewropea, l-prezz tal-fuel f’Malta huwa l-ogħla fl-Ewropa. Il-prezz tal-petrol u d-diesel għandu jonqos immedjatament, sostniet Kristy Debono, għaliex din hija forma ta’ taxxa li s-sewwieqa Maltin u Għawdxin qed ikollhom iħallsu.
Il-Kelliema għall-Kompetittività rreferiet ukoll għat-traffiku mill-lat ekonomiku u sostniet li s-siegħat twal li qed ikollhom jagħmlu fit-traffiku kemm il-Maltin kif ukoll il-barranin ifisser anqas xogħol. It-traffiku qed jaffetwa wkoll ir-reputazzjoni ta’ Malta ma’ investituri barranin li jigu Malta biex jinvestu, sostniet Kristy Debono.
Minn naħa tiegħu, Stephen Spiteri tkellem dwar il-fatt li l-Gvern għandu jnaqqas l-income tax b’170 ewro fis-sena biex il-familji Maltin ikunu jistgħu jibdew iħossu verament l-impatt tat-tnaqqis tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Hu għamel referenza wkoll għax-xogħol prekarju, li Joseph Muscat kien wiegħed li se jeqirdu darba għal dejjem. Hawnhekk, Stephen Spiteri enfażizza l-fatt li l-Budget għandu jindiriza x-xogħol prekarju b’mod dirett fit-tielet budget tal-Gvern ta’ Joseph Muscat nhar it-Tnejn li ġej.
Hu temm jgħid li nhar it-Tnejn, il-Gvern għandu l-opportunità li jkattar il-ġid, ix-xogħol u jżid il-flus fl-idejn. Joseph Muscat ma jistax jitlef dan iċ-ċans li t-tkattir tal-ġid jaqsmu ma’ kulħadd, u mhux ma’ dawk viċin tiegħu biss, temm jgħid Stephen Spiteri.
//= $special ?>