Il-budget li se jressaq il-Gvern ta’ Joseph Muscat nhar it-Tnejn li ġej għandu jiggarantixxi li minbarra l-benefiċċju taż-żieda għall-għoli tal-ħajja, jkun hemm żidiet fil-paga ghal-low income earners li ma jhallsux taxxa kif ukoll tnaqqis fit-taxxa ghal-middleclass. Dan ghandu jwassal għal aktar flus fil-but għall-ħaddiema u l-familji Maltin u Għawdxin.
Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil f’intervista li saritlu minn Dr. Andrew Azzopardi waqt il-programm Għandi Xi Ngħid fuq Radju Malta. Simon Busuttil tkellem dwar dak li qed jistennew il-familji u l-ħaddiema Maltin mill-budget ta’ nhar it-Tnejn li ġej, anke fid-dawl ta’ diversi dikjarazzjonijiet tal-Prim Ministru Muscat li l-ekonomija sejra tajjeb.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sostna li ż-żieda li tħabbret għall-għoli tal-ħajja żgur li mhux biżżejjed, u għalhekk il-Gvern għandu jindirizza din il-kwistjoni. Huwa inutli li l-Gvern jgħid li raħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, imma mbagħad fl-aħħar mill-aħħar, iċ-ċittadini ma jkollhomx żieda fil-flus fil-but. Huwa għalhekk li għandhom jiġu ndirizzati l-pagi u anke l-pensjonijiet, sostna Simon Busuttil.
Simon Busuttil tkellem ukoll dwar il-prezzijiet għoljin tal-petrol u d-diesel li qed ikollhom iħallsu s-sewwieqa Maltin u Għawdxin minħabba deċiżjoni ta’ Joseph Muscat. Bħalissa l-prezz internazzjonali taż-żejt huwa fl-istess livelli li kien fl-2010. Madanakolla, spjega Simon Busuttil, illum, il-Maltin iħallsu €5.51 għal kull €25 li jagħtu f’diesel, u €4,17 żejda fil-ġimgħa għal kull €25 li jagħtu f’petrol.
Simon Busuttil irrefera wkoll għad-dejn, u sostna li fl-aħħar sena, d-dejn tal-Gvern Malti żdied bl-aktar rata sa minn meta Malta daħlet fl-Unjoni Ewropea.
Fl-intervista, Simon Busuttil tkellem dwar temi oħra fosthom il-liġi tal-finanzjament tal-partiti, t-tiġdid fil-Partit Nazzjonalista, kif ukoll dwar il-gidba tal-Prim Ministru Joseph Muscat li jibni Power Station ġdida sa erba’ xhur oħra.
//= $special ?>