Lokali

Il-filmat tat-tifel eroj Sirjan inġibed f’Malta

Filmat li fuq Youtube kiseb iktar minn ħames miljun view, u li suppost juri tifel Sirjan li b’mod erojku salva lil oħtu li kienet fil-mira ta’ tiri ta’ arma tan-nar waqt il-kunflitt fil-pajjiż, fil-verita’ ma kien xejn ħlief xena li nġibdet f’Malta.

Anke’ t-tifel eroj u oħtu huma filfatt atturi professjonali Maltin filwaqt li l-ilħna li jinstemgħu fl-isfond tal-filmat huma refuġjati Sirjani li jgħixu f’Malta.

Lars Klevberg, sid ta’ kumpanija Norveġiża bbażata f’Oslo, qal lil BBC li kien hu li ħareġ bl-ideja li joħloq din ix-xena realistika bl-għan li joħloq diskussjoni wara li ra l-aħbarijiet fuq is-sitwazzjoni fis-Sirja.

“Ix-xena ġbidtha f’Malta f’Mejju li għadda fejn użajna sett li kien użat ukoll minn films famużi bħal Troy u Gladiator,” spjega Klevberg.