Għawdex Lokali Parlament

Il-Gvern qed jaħrab milli jwieġeb mistoqsijiet ċari dwar il-proġetti mwiegħda għal Għawdex

Il-Ministru għal Għawdex Anton Refalo ma weġibx u lanqas ma ċaħad fil-Parlament jekk il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista dwar is-servizz ta’ fast ferry bejn Malta u Għawdex, issa hijiex scrapped u jekk hux se jsir. Anton Refalo qal li m’għandu xejn xi jżid dwar din il-wegħda elettorali meta kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Nazzjonalista Chris Said, li staqsa lill-Ministru għal Għawdex jgħid x’possibbiltajiet qed jesplora biex ikun hemm fast ferry service bejn Għawdex u Malta.

Fi tweġiba li ta bil-miktub għal din il-Mistoqsija, il-Ministru għal Għawdex irrefera lid-Deputat Nazzjonalista għal dak li kien qal meta wieġeb Mistoqsija oħra f’Ottubru li għadda u qal li l-Ministeru qed jesplora l-possibbiltajiet għall-proġett. Iżda l-Ministru għal Għawdex naqas li jwieġeb mistoqsijiet diretti li għamel Chris Said, li staqsa wkoll fiex waslet din l-esplorazzjoni u kemm se jdum jesplora l-Ministeru għal Għawdex. Kien mitlub ukoll jikkonferma jekk f’laqgħat li saru dan l-aħħar, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru qal li dan il-proġett imwiegħed qabel l-elezzjoni mill-Gvern, issa ġie scrapped u mhux se jsir.

Għal dawn il-mistoqsijiet li ressaq id-Deputat Nazzjonalista u Segretarju Ġenerali Chris Said, il-Ministru Refalo ma ta ebda tweġiba, bil-Mistoqsija tibqa’ jekk dan il-proġett imwiegħed mill-Partit Laburista ġiex mormi jew le. Il-mod kif il-Gvern qed jaħrab li jwieġeb mistoqsijiet ċari tal-Oppożizzjoni dwar il-proġetti mwiegħda għal Għawdex qabel l-elezzjoni hu rifless ukoll fil-mod kif fil-ġimgħat li għaddew il-Prim Ministru Muscat ukoll wieġeb mistoqsijiet oħrajn tal-istess Deputat Nazzjonalista dwar Għawdex.

Fil-Parlament, il-Gvern ma weġibx dwar il-ftehim iffirmat maċ-Ċiniżi 15-il xahar ilu dwar il-pont bejn Malta u Għawdex. Il-Gvern ukoll għadu mhux f’pożizzjoni jieħu deċiżjoni dwar referendum fost l-Għawdxin dwar jekk jippreferux mina jew pont bejn Malta u Għawdex. Wara sena u nofs, il-Ministru Refalo qal biss li l-Gvern għadu għaddej bl-istudji dwar il-possibbiltà ta’ bini ta’ pont jew mina bejn Malta u Għawdex.

Ftit tal-ġimgħat ilu, il-Ministru għal Għawdex kien qal ukoll li għadu għaddej bl-istudji wkoll dwar it-titjiriet bi skeda bejn Malta u Għawdex.