Fil-baġit, il-Gvern għandu jirrevoka d-deċiżjoni li jgħolli l-miżati tal-eżamijiet tal-MATSEC; żidiet li se jaraw liż-żgħażagħ u l-istudenti joħorġu kważi nofs miljun ewro aktar
Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) appella lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lill-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo biex jirrevokaw it-taxxa indiretta introdotta fuq iż-żgħażagħ u l-ġenituri tagħhom.
Dan hekk kif il-Gvern għolla l-miżati tal-eżamijiet tal-MATSEC; żidiet li se jsarrfu f’kważi nofs miljun ewro minn fuq dahar l-istudenti u l-ġenituri tagħhom.
L-MŻPN qal li f’dan il-perjodu f’ħajjithom, iż-żgħażagħ għandhom ikunu inkoraġġati fl-istudji tagħhom minflok imfixkla aktar b’miżati bħal dawn.
L-MŻPN qal li jekk wieħed jikkalkula skont is-sena 2014, ikun ifisser li l-Gvern se jkun qed idaħħal €454,000 f’flus minn fuq dahar l-istudenti u l-familji tagħhom.
Student medju tas-SEC li jpoġġi għal 10 eżamijiet tal-‘O-Level’ sal-lum kien qed iħallas €151.45. Biż-żidiet li qed jimponi dan il-Gvern, l-istudent medju se jkollu jħallas €225.00 – żieda ta’ 33%.
Fil-każ ta’ eżami fil-livell intermedjarju (Intermediate Exam) b’sessjoni ta’ prattika, dan kien jiswa’ €18.63, iżda biż-żidiet li qed jimponi l-Gvern, eżami bħal dan sar jiswa’ €45.00 – żieda ta’ 59%.
L-MŻPN qalet li tinsab ixxukkjata li dawn iż-żidiet qed jiġu mposti mill-Gvern fl-istess żmien li l-Prim Ministru qed jagħti €30,000 fis-sena lid-Deputat Carmelo Abela talli hu ‘Kelliem tal-Gvern’, fost każijiet oħra.
Il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN) appella lill-Gvern biex isostni l-eżamijiet tal-MATSEC billi jieqaf jagħti flejjes kbar lid-Deputati tiegħu stess u mhux billi jdur fuq l-istudenti, ż-żgħażagħ l-familji tagħhom.
//= $special ?>