Is-Segretarju Parlamentari Roderick Galdes għandu jiftaħ investigazzjoni
L-Alternattiva Demokratika qalet li tinsab imħassba wara rapporti fil-midja dwar 500 sponsun salvaġġ li mietu waqt li kienu qegħdin jinżammu fit-taqsima tal-kwarantina bħala evidenza tal-qorti b’rabta ma kas ta’ kuntrabandu ta’ dawn l-għasafar mill-Italja.
Simon Galea, kelliem għall-Ħarsien tal-Annimali u l-Agrikoltura qal li dawn l-inċidenti huma inaċċettabbli u l-Alternattiva ssejjaħ lill-awtoritajiet konċernati, speċjalment lis-Segretarju Parlamentari għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali, Roderick Galdes biex jiftaħ investigazzjoni.
Żied jgħid li faċilitajiet adekwati flimkien ma ħaddiema mħarrġa sew huma priorita` li tista’ tintleħaq biss jekk it-taqsima eżistenti tal-kwarantina tkun irranġata kif ukoll l-ingaġġ ta’ aktar ħaddiema kwalifikati u t-taħriġ ta’ dawk li diġa jaħdmu hemm. Filwaqt li nifhmu li jista’ jkun hemm limitazzjoni ta’ spazju, il-ħarsien tal-annimali irid ikun rispettat u li żżomm għasafar f’dawn il-kundizzjonijiet ħżiena m’hiex ħaġa sewwa.
Temm jgħid li meta l-ispazju ma jippermettix li jinżammu b’mod xieraq minħabba l-ammonti li jkunu involuti, l-għasafar konfiskati għandhom jew jinħelsu u jinżammu ritratti bħala evidenza jew inkella jinżammu f’guvi privati bi ħlas, u l-ispiża iħallas għaliha min jinqabad jikser il-liġi.
//= $special ?>