Lokali

Jitnieda l-ktieb “Nidħqu Bina Nfusna, Politika bi Tbissima” minn Tonio Borg

Fis-Sala tal-Arazzi fil-Palazz tal-Granmastru saret it-tnedija tal-ktieb “Nidħqu Bina Nfusna – Politika bi Tbissima” miktub minn Dr Tonio Borg. It-tnedija tal-ktieb, pubblikat minn Kite Group, saret taħt il-patroċinju tal-President tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor Anġlu Farrugia.

F’diskors li għamel Anġlu Farrugia qal li l-politika hi mezz kif tagħmel il-ġid lil ħaddieħor, pero’ magħha ġġib ukoll mumenti ta’ tensjoni u ta’ tbissim ukoll li Tonio Borg irnexxielu jiġbor b’mod tajjeb fi ktieb ta’ anedotti politiċi li ġraw tassew lill-politiċi u deputati minn partiti politiċi differenti.

Hu qal li minn dawn l-anedotti joħorġu wkoll il-karattri, bil-valuri u l-moralita’ tal-politiċi. Madanakollu l-kunsiderazzjoni primarja tal-ktieb tibqa’ li Tonio Borg joħloq tbissima lill-qarrejja.

Tkellem ukoll l-Imħallef Giovanni Bonello li qal li Tonio Borg f’dan il-ktieb il-ġdid ħareġ l-eleganza fil-mod kif kiteb l-anedotti. Għalkemm qed joħloq tbissima b’rakkonti dwaru nnifsu, dwar nies li jissemmew b’isimhom u kunjomhom u dwar politiċi li ħadem fil-qrib magħhom, dan dejjem għamlu b’eleganza.

It-tnedija ġiet fi tmiemha b’diskors ta’ Dr Tonio Borg li qal li x-xewqa tiegħu li jikteb dan il-ktieb kienet ilha li nibtet sa minn meta daħal fil-Parlament. Hu qal li f’dawn l-anedotti, joħroġ ukoll is-sħubija tal-politika, li l-politiċi huma tad-demm u l-laħam u jiżbaljaw, b’żelqiet jew sitwazzjonijiet skomdi. Uħud mill-anedotti juru kif politiċi joħorġu b’ħeffa minn sitwazzjonijiet skomdi li jkunu daħlu fihom u hemm fejn jagħtu risposta f’waqtha.

Dan hu l-ewwel ktieb tax-xorta tiegħu fejn politiku f’Malta – Tonio Borg – jirrakonta inċidenti u ġrajjiet li seħħew tassew. Jirrakonta ż-żelqiet, sitwazzjoni imbarrazanti u skomdi tal-politiċi, li ħafna drabi jiddejqu jirrepetuhom … iżda f’dan il-ktieb ħadd ma jeħlisha: minn Dom Mintoff u Lawrence Gonzi bix-xwabel u t-twapet li ġabu magħhom miċ-Ċili għal inċidenti li kellu Eddie Fenech Adami inkluż fuq iz-zuntier tal-Bażilka ta’ San Pietru fil-Vatikan, mis-superstizzjonijiet ta’ Ġorġ Borg Olivier għal qdusija ta’ Joseph Muscat u Simon Busuttil, mill-waqgħat minn fuq il-palk għal-loverbirds fuq l-irjus, mis-sejħa ta’ anzjana li waqgħet mis-sodda f’nofs ta’ lejl u ċemplet lid-deputat tad-distrett għat-tindif tad-dentaturi mill-kandidat li ried iqaxxar kull vot.

Iffirmat ta’ kotba minn Lawrence Gonzi, Tonio Borg u George Abela fil-Festival tal-Ktieb, Dar il-Mediterran għall-Konferenzi l-Belt

Illum mis-6.30pm sat-t8.00pm, Dr Lawrence Gonzi se jkun qiegħed jiffirma t-tieni edizzjoni tal-ktieb “Gonzi, and Malta’s Break with Gaddafi, Recollections of a Premier.

Għada l-Ħadd, bejn il-11.00am u 12.30pm Dr Tonio Borg se jkun qiegħed jiffirma l-ktieb Nidħqu Bina Nfusna, Politika bi Tbissima. Fl-istess ħin il-President Emeritu George Abela se jkun qed jiffirma l-bijografija tiegħu, George Abela, Qalb in-Nies.