Lokali

Joseph Muscat u Joe Mizzi bla soluzzjoni għall-problema tat-traffiku – il-PN

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Ministru tat-Traffiku Joe Mizzi tant kemm jinsabu daharhom mal-ħajt li issa spiċċaw jattakkaw lill-Partit Nazzjonalista minħabba l-problema tat-traffiku.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar it-Trasport Toni Bezzina fi stqarrija qal li huwa tad-daħq li l-Ministru Joe Mizzi qed juża l-ħin prezzjuż tiegħu biex jattakka lill-Oppożizzjoni minflok li jimplimenta r-roadmap biex isolvi, jew tal-anqas, itaffi l-problema tat-traffiku. Jekk Joe Mizzi jaħseb li l-problema tat-traffiku tinsab biss fin-naħa ta’ isfel ta’ Malta, sejjer żball. Il-problema tat-traffiku qed tinħass fit-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex, jgħid Toni Bezzina.

Il-Kelliem tal-Partit Nazzjonalista qal li Joseph Muscat u Joe Mizzi qed jipruvaw jagħtu l-impressjoni li l-problema tat-traffiku ma teżistix, l-istess kif qed jagħmel ukoll l-istazzjon nazzjonali. Is-sewwieqa Maltin iżda jafu x’inhi l-problema, li qed taffetwalhom ukoll il-but f’infiq akbar fil-petrol u d-diesel li l-prezzijiet tagħhom huma l-għola fl-Ewropa.

Joseph Muscat u Joe Mizzi jridu jirrealizzaw li s-sewwieqa Maltin qed jifrustraw ruħhom ta’ kuljum imwaħħlin għal ħin twil fit-toroq Maltin u Għawdxin. Qabel ma jammettu li din il-problema teżisti, la Muscat u wisq aktar Mizzi mhu se jsibu s-soluzzjoni, itemm jgħid il-Kelliem tal-Oppożizzjoni.