Sport Sport Ieħor

L-Ingliż Walton u n-Norveġiża Solvik jirbħu l-Malta Open

DARTS

Albert Scerri l-uniku Malti fil-kwarti tal-finali

Din il-ġimgħa l-Assoċjazzjoni Maltija tad-Darts organizzat is-27 edizzjoni tal-Malta Open f’lukanda f’Buġibba.

Barra plejers Maltin ħadu sehem ukoll plejers minn Ċipru, l-Italja, l-Iskozja, Wales, id-Danimarka, l-Olanda, l-Iżvizzera, l-Greċja, n-Norvegja, l-Ġermanja u mill-Ingilterra. B’kollox ipparteċipaw 217 raġel u 49 mara.

Il-finali tad-doppji u dik tal-individwali tan-nisa saru fuq l-aħjar minn seba’ sets waqt li l-finali tal-irgiel individwali saret fuq l-aħjar minn tliet sets, kull set ta’ 5 legs.

Fil-logħob tad-doppji ħadu sehem 129 koppja u wara erba sigħat logħob kontinwu waslu sal-kwarti tal-finali Martin Degel/Mark Layton (Ġermanja/Wales), John Michael/Karsten Koch (Greċja/Ġermanja), Andy Krockel/Michael Nett (Ġermanja), Jamie Robinson/John Walton (Ingilterra), Greg Upton/Josh McCarty (Ingilterra), Greg Hoggan/Mark Cameron (Ingilterra), Salvarore Mantarro/Martino Tagliapietra (Italja) u Thomas Obsfelder/Mark Mulholland (Ġermanja).

Fil-finali Karsten Kornath/John Michael għelbu 4-2 lil Jamie Robinson/John Walton.
Fid-doppji tan-nisa waslu sas-semi finali l-Ġermaniżi Trixi Krockel/Silke Goebel, it-Taljani Michela Michelini/Romana Petrini, l-Ingliżi Cheryl McLoughlin/Ann Chilton u t-Taljani Giada Ciofi/Giovanna Novelli.

Fil-finali Trixi Krockel/Silke Goebel iltaqgħu kontra Cherly McLoughin/Ann Chilton b’tal-aħħar jirbħu 4-1.

Fl-individwali tal-irġiel u n-nisa ħadu sehem xejn inqas minn 269 plejer u fejn il-punteġġ massimu ta’ 180 intlaħaq 63 darba waqt li Josh McCarthy għalaq logħba b’punteġġ ta’ 170.

Mal-aħħar tmienja fost l-irġiel għaddew il-Malti Albert Scerri, Craig Stoner, Josh McCarthy u John Walton (Ingilterra), Mark Layton (Wales), John Michael u Kostas Pantelidis (Greċja) u Matthew Medhurst (Olanda).

Il-logħob tal-irġiel kien fuq l-aħjar minn 3 sets, b’kull set fuq tliet legs. L-aktar finali mistennija bla dubju kienet dik tal-individwali tal-irġiel. Din kienet bejn Kostas Pantelidis u John Walton, żewġ plejers magħrufa sew għal-livell għoli tagħhom fix-xena Internazzjonali. Walton rebaħ il-finali 3-0, 3-0.

John kien għamel 9 darts fil-Winmau World Masters 2007, rebaħ il-BDO World Championship 2001, il-World Masters 2000, il-Belgium Open 2001, il-British Classic 2001, il-British Open 2001, il-Welsh Open 2001, l-iScottish Open 2001, il-British pentathlon fl-2002, 2006 u 2010 kif ukoll rebbieħ tal-WDF Europe Cup pairs 2008.

Min-naħa tiegħu Kostas wasal mal-aħħar 16 fil-WDF World Cup Singles 2007 u mal-aħħar 32 darbtejn fil-WDF Europe Cup Singles.

Fil-kategorija tan-nisa għaddew mal-aħħar erbgħa Kirsten Byo (Żvizzera), Giada Ciofi (Italja), Vibeke Solvik (Norveġja) u Giata Sfakioti (Greċja). Il-logħob tan-nisa kien fuq l-aħjar minn ħames legs. Il-finali tal-individwali tan-nisa marret għand Vibeke Solvik li għelbet lil Kirsten Byo 4-0.