Lokali

L-Italja jirbħu l-Junior Eurovision – Malta fir-raba’ post

L-uniku tifel li kanta fiil-Junior Eurovision Song Contest, it-Taljan Vincenzo Cantiello rebaħ l-edizzjoni ta’ din is-sena bil-kanzunetta “Tu primo grande amore” hekk kif wara l-votazzjoni kiseb 189 punt. Segwew fit-tieni post il-Bulgarija u l-Armenja fit-tielet post.

Minn naħa l-oħra pajjiżna kiseb total ta’ 116-il punt għall-kanzunetta ‘Diamonds’ interpretata b’mod stupend mill-Maltija Federica Falzon.

Il-kantanta Maltija Federica Falzon akwistat dawn il-punti:

Ġurija tat-tfal – 10 punti
Belarus – 8 punti
Bulgarija – 5 punti
San Marino – 10 punti
Ċipru – 7 punti
Ġorġja – 5 punti
Żvezja – 4 punti
Ukrajna – 7 punti
Slovenja – 6 punti
Montenegro – 6 punti
Italja – 12-il punt
Armenja – 6 punti
Russja – 10 punti
Serbja – 7 punti
Olanda – punt

Iktar kmieni: Il-kantanta Maltija Federica Falzon tat prestazzjoni mill-aqwa bl-interpretazzjoni tagħha tal-kanzunetta ‘Diamonds’. Federica kantat fil-ħmistax-il post.

Intant dan l-ikbar Eurovision Song Contest li qatt sar, bil-parteċipazzjoni ta’ sittax-il pajjiż, illejla fetaħ bi spettaklu mill-isbaħ u b’xeni spettakolari ta’ Malta.

Il-Junior Eurovision, li qed isir fil-post fejn qabel kienet il-Marsa Shipbuilding, din is-sena nfetaħ mill-kantanta Maltija Federica bil-bandiera Maltija, u l-kantanti l-oħra li qed jieħdu sehem. Flimkien huma kantaw il-kanzunetta ‘Together’, it-tema ta’ din l-edizzjoni.

Matul is-serata qed jintwerew ukoll filmati tal-postijiet pittoreski mill-isbaħ li joffri pajjiżna filwaqt li numru ta’ kantanti għalqu l-prestazzjoni tagħhom bi kliem bil-Malti; “Grazzi Malta.”