It-tim nazzjonali Malti ta’ taħt il-21 sena il-Ħadd f’Kordin fit-3 p.m. se jilgħab partita ta’ ħbiberija kontra l-Azerbaijan.
Din il-logħba se sservi bħala tħejjija għall-impenji kompetittivi li jmissu t-tim immexxi minn Silvio Vella u li din is-sena għandu diversi plejers ġodda fl-iskwadra li għal ħafna minnhom se tkun l-ewwel esperjenza internazzjonali f’din il-kategorija.
Il-kowċ Silvio Vella qal li l-plejers għandhom entusjażmu kbir biex jinżlu fil-pitch kontra l-Azerbaijan anke jekk il-preparazzjoni ma kinitx dik mixtieqa minħabba perjodu qasir flimkien.
L-Azerbaijan ilhom Malta minn nhar it-Tnejn u kienu qed jitħarrġu darbtejn kuljum.
Vella jinsab konvint li partiti bħal din se jkunu qed jgħinu ferm lill-plejers żgħażagħ Maltin biex jiksbu dik l-esperjenza li tant għandhom bżonn qabel il-partiti komopetittivi fix-xhurt li ġejjin. L-avversarji tal-Maltin se jkunu magħrufa fi Frar meta jittellgħu l-poloz.
Preżenti għal-laqgħa mal-media lokali qabel dan il-konfront kien hemm Daniel Zerafa u Llewlyn Cremona li t-tnejn qalu li jafu tajjeb l-isfidi li għandhom quddiemhom. Huma iżda jemmnu li huma dawn it-tip ta’ partiti li jistgħu jgħinuhom jgħollu l-livell tagħhom u fl-istess ħin jidraw aktar lil xulxin.
L-iskwadra li għandu Vella għad-dispożizzjoni tiegħu hija din.
Gowlkipers: Jurgen Borg (Hibs), Yenz Cini (Valletta)
Difensuri: Samir Arab (Balzan), Cain Attard (Pietà), Manuel Briffa (Floriana), Ryan Gilmour Cassar (Naxxar L), Michael Johnson (St. Andrew’s)
Midfielders: Terence Agius (Pietà H), Johann Bezzina (Hibs), Antoine Borg (B’Kara), Ryan Camenzuli (B’Kara), Kyle Cesare (Pietà H), Llewlyn Cremona (Valletta), Brandon Muscat (St. George’s), Kurt Zammit (Mosta), Daniel Zerafa (St. George’s)
Attakkanti: Luke Montebello (Valletta), Ryan Spiteri (Ħamrun S)